STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT GĦALL-UGWALJANZA U R-RIFORMI Ippubblikati l-prinċipji u s-salvagwardji għal konsultazzjoni pubblika dwar l-ewtanasja volontarja assistita
Fil-manifest elettorali 'Malta Flimkien', il-Gvern wiegħed diskussjoni nazzjonali dwar l-ewtanasja volontarja assistita għal persuni b'mard terminali. Għaldaqstant, skont dak l-impenn elettorali, illum ġie mniedi proċess ta' konsultazzjoni pubblika dwar l-ewtanasja volontarja assistita.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rebecca Buttigieg ħabbret dan waqt konferenza tal-aħbarijiet fejn nediet dokument għal konsultazzjoni pubblika li jistabbilixxi ċerti prinċipji u salvagwardji bħala bażi għad-diskussjoni. Hija spjegat kif il-Gvern irid jisma' u jikkunsidra lil kulħadd matul din il-konsultazzjoni sensittiva, li trid issir fil-kuntest ta' realtajiet ta' tbatijiet insapportabbli li m'hemmx fejqan għalihom.
“Din id-diskussjoni f'pajjiżna u fis-soċjetà tagħna ma bdietx illum, iżda din hija l-ewwel okkażjoni li s-soċjetà ser ikollha quddiemha sett ta' prinċipji, kriterji u salvagwardji li jipprovdu qafas serju għall-konsultazzjoni infurmata u matura. Għalhekk huwa importanti li b'kompassjoni, b'mod dinjituż u rispettuż nisimgħu lil xulxin bi qlub u mħuħ miftuħa," qalet is-Segretarju Parlamentari Buttigieg.
Is-Segretarju Parlamentari spjegat li bi tħejjija għal din il-konsultazzjoni pubblika, inħatar kumitat tekniku kompost minn professjonisti mediċi u legali li ħa inkonsiderazzjoni l-aktar prattiċi etiċi tal-pajjiżi li għandhom liġijiet dwar l-ewtanasja u fassal dawn il-prinċipji u salvagwardji stretti biex joffri bażi għall-konsultazzjoni serja u matura.
Il-prinċipji fid-dokument għall-konsultazzjoni pubblika jipprovdu fost oħrajn li l-ewtanasja volontarja assistita tista' tintalab biss minn persuni li għalqu 18-il sena, li jkunu qegħdin ibatu b'marda terminali li medikament tkun ġiet iċċertifikata li ser ittemm il-ħajja tal-persuna fi żmien sitt xhur.
Id-dokument jgħid li l-anzjanità, id-diżabilità u kundizzjonijiet ta' saħħa mentali ma jistgħu qatt ikunu raġunijiet biex persuna titlob l-ewtanasja volontarja assistita.
Fost id-diversi salvagwardji proposti hemm li ser ikun meqjus bħala reat kriminali li persuna tħajjar jew iġiegħel lil xi persuna biex titlob l-ewtanasja volontarja assistita.
Is-Segretarju Parlamentari Buttigieg kompliet tispjega li d-dokument jipprovdi numru ta' salvagwardji fosthom l-obbligu tat-tim mediku li jispjega lil persuna b'marda terminali s-servizzi tal-kura paljattiva li l-Gvern qiegħed ikompli jinvesti fit-tisħiħ tiegħu.
Hija spjegat li qed ikun propost li t-talba għall-ewtanasja volontarja assistita tista' ssir biss b'mod awtonomu mill-persuna li tkun qiegħda tbati mill-kundizzjoni terminali u għandu jkollha tliet ċertifikati mediċi fosthom ta' psikjatra.
Qiegħed ikun propost ukoll skrutinju rigoruż u strett minn bord regolatorju mmexxi minn eks ġudikant li jrid jagħti l-approvazzjoni finali wara perjodu ta' riflessjoni. Fi kwalunkwe ħin, il-persuna li tkun talbet l-ewtanasja volontarja assistita tista' tbiddel id-deċiżjoni tagħha.
Il-membri tal-professjoni medika b'oġġezzjoni tal-kuxjenza għandhom dritt li ma jipparteċipawx fil-proċess li jwassal għall-ewtanasja volontarja assistita jekk il-pazjent fil-kura tagħhom jitlob dan. Madankollu huma obbligati li meta għandhom persuna li minn rajha titlob l-ewtanasja volontarja assistita jirreferu lil din il-persuna lil professjonisti oħra.
Bħala parti minn din il-konsultazzjoni pubblika, qed ikun propost id-dritt li persuna tagħmel testment mediku jew kif inhu magħruf 'living will'. Is-Segretarju Parlamentari Buttigieg spjegat li din ma tagħtix dritt li persuna titlob l-ewtanasja volontarja assistita jekk ma jkunx hemm il-kriterji tal-eliġġibbiltà. Iżda permezz tal-living will, persuna f'saħħitha wara li tikkonsulta ma' professjonista mediku tal-fiduċja, tiddikjara b'kuntratt x'tip ta' kura trid jew ma tridx għal ċerti kundizzjonijiet mediċi li jista' jkollha fil-futur.
Din il-konsultazzjoni pubblika hija miftuħa sat-2 ta' Lulju 2025 u l-pubbliku huwa mħeġġeġ jipparteċipa u jgħaddi l-kummenti tiegħu fuq is-sit fuq www.facts.gov.mt jew fit-tliet laqgħat tal-komunità li ser isiru fil-Fgura, fil-Mosta u f'Għawdex.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN