Left arrow Go Back

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAD-DJALOGU SOĊJALI Is-sitwazzjoni tad-droga f’Malta diskussa waqt laqgħa tal-MCESD

pr250748
Date Icon 06/05/2025

F’laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD), l-imsieħba soċjali flimkien mal-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul, is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rebecca Buttigieg, u ċ-Chairman tal-MCESD David Xuereb, iddiskutew l-isfidi marbuta mad-droga fis-soċjetà Maltija.

Parteċipi wkoll għal din il-laqgħa kien hemm il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà, iċ-Chairman tas-Servizzi tas-Saħħa Mentali Prof. Anton Grech, Dr Anna Maria Vella fil-kapaċità tagħha bħala Clinical Chairperson tas-Sedqa, iċ-Chairperson Eżekuttiv tal-Awtorità dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis Dr Joey Reno Vella, id-Direttur ta’ Caritas Malta Anthony Gatt, u Dr Godwin Sammut bħala Uffiċjal Xjentifiku fl-Analiżi Forensika u Tossikoloġija fl-Università ta’ Malta.

Il-Ministru Michael Falzon tkellem dwar l-importanza ta’ ħidma nazzjonali li teduka, tipprevjeni u tgħin f’sitwazzjonijiet fejn persuni vulnerabbli jinħakmu mill-vizzju tad-droga. Huwa rrefera wkoll għar-rapport Nazzjonali dwar is-Sitwazzjoni tad-Droga u r-rispons għaliha f’Malta, fejn jirriżulta li aktar persuni qed ifittxu trattament għad-droga kokaina. Hawnhekk, stqarr kif il-Gvern kontinwament jinvesti u jassisti l-Aġenzija Sedqa, il-Fondazzjoni Caritas u dik tal-OASI, li tant jgħinu fir-riabilitazzjoni ta’ dawn il-persuni matul ħajjithom. 

Min-naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari Andy Ellul iddeskriva kemm l-MCESD huwa pjattaforma importanti li qed jiffaċilita d-djalogu, kif ukoll hu mekkaniżmu importanti f’pajjiżna fejn jiġu diskussi suġġetti ta’ importanza fis-soċjetà tagħna. Huwa sostna li din id-diskussjoni hija waħda bżonnjuża fejn qed tqajjem djalogu u kuxjenza, immirati li jkomplu jiddiskutu l-isfidi li għandna bħala pajjiż, filwaqt li qed jindirizzaw dawn is-suġġetti sensittivi fl-aqwa interess ta’ kulħadd.

“Dawn il-laqgħat huma turija ċara ta’ djalogu soċjali miftuħ li qed iħalli l-frott, hekk kif l-imsieħba soċjali qed ikunu parti integrali fid-diskussjonijiet li jsiru u d-deċiżjonijiet li qed jittieħdu. Hekk biss jista’ jkollna diskussjonijiet li verament jirriflettu r-realtajiet preżenti ta’ pajjiżna u l-bżonnijiet tal-poplu tiegħu,” temm jgħid Dr Ellul.

Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg, enfasizzat l-importanza tal-emendi parlamentari proposti mill-Awtorità dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis. “Dawn l-emendi se jsaħħu l-qafas regolatorju, jiċċaraw it-tifsira tas-sustanzi narkotiċi fil-liġi, itejbu l-għodod ta’ infurzar, u jirfinaw ir-regolamenti applikabbli għall-assoċjazzjonijiet għall-użu responsabbli tal-kannabis. Dan kollu sabiex intejbu din ir-riforma importanti, filwaqt li niżguraw li nipproteġu u nissalvagwardjaw is-saħħa pubblika bil-għan ewlieni jibqa’ dak li din ir-riforma tilħaq l-iskop tagħha ta’ harm reduction,” qalet is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg.

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAD-DJALOGU SOĊJALI Is-sitwazzjoni tad-droga f’Malta diskussa waqt laqgħa tal-MCESD
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow