STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-WIRT NAZZJONALI, L-ARTI U GVERN LOKALI: Jinfetħu l-applikazzjonjiet għal masterclass fl-iscriptwriting għall-film u t-televiżjoni mmexxija minn John Collee
Bejn id-9 u t-12 ta’ Settembru ser tiġi organizzata masterclass dwar scriptwriting għall-film u t-televiżjoni mmexxija minn John Collee.
Collee hu l-awtur ta’ scripts għall-films bħal ‘Master and Commander: The Far Side of the World’ li fih jidher Russell Crowe. Fl-2004 kellu 10 nominazzjonijiet għall-Oscars, inkluż għall-aħjar film. Il-film rebaħ żewġ Oscars. Il-London Critics Circle onoraw lil John Collee bl-unur għall-aħjar screenplay tas-sena. Hu wkoll l-awtur ta’ ‘Happy Feet’ li fl-2007 rebaħ l-Oscar għall-aħjar film animat. Kiteb l-iscript għall-film ‘Tanna’ li kien innominat għall-Oscar għall-aħjar film internazzjonali fl-2017.
Films riċenti ta’ John Collee jinkludu l-film bijografiku ‘Lee’ li fih tidher Kate Winslet. Fil-bidu ta’ din is-sena, kien innominat għal Golden Globe Award u British Film Award. Għal ‘Monkey Man’, Collee ingħata l-Audience Award fil-festival South by Southwest (SXSW) li jsir f’Texas. Collee kien konsulent għan-narrattiva ta’ ‘Furiosa: A Mad Max Saga’. Fil-mument hemm ħames films b’scripts minn tiegħu li huma fil-fażi tal-preproduzzjoni.
F’Jannar li għadda rebaħ l-Australian Academy of Cinema and Television Arts (AACTA) Award għall-aħjar screenplay ta’ episodju mill-mini-series drammatika ‘Boy Swallows Universe’ li nxtart minn Netflix.
Għal dawk li diġà jaħdmu fil-qasam tat-televiżjoni u l-film, din hi opportunità unika li tiltaqa’ u anke taqsam l-esperjenza ma’ persuna li diġà kellha daqstant suċċess fil-karriera tagħha. Il-masterclass hi maqsuma fuq erbat ijiem ta’ tliet sigħat-il waħda (bejn l-4.30p.m. u s-7.30p.m.) u ser isiru fis-Sala Isouard tat-Teatru Manoel, il-Belt Valletta.
L-applikazzjonijiet huma miftuħa u wieħed jista’ jirreġistra permezz ta’ email fuq scriptwriting.mhal@gov.mt sal-31 ta’ Mejju. Hemm ħlas ta’ €30 għall-masterclass. Studenti li qed isegwu kors relatat ma’ film fl-Università ta’ Malta jew fl-MCAST huma eżentati minn dan il-ħlas.
Din l-inizjattiva qed tiġi organizzata mill-European Film Committee fi ħdan il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN