STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-GVERN LOKALI 25 attività kulturali fl-ibliet u l-irħula Maltin u Għawdxin
Matul ix-xhur tas-sajf, se jkunu qed jittellgħu 25 attività kulturali mill-kunsilli lokali madwar Malta u Għawdex. Dawn se jsiru permezz ta’ skema ta’ finanzjament maħruġa mid-Direttorat għall-Gvern Lokali. Dan tħabbar mis-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli u d-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni tal-Gvern Lokali Emil Vassallo.
Ġie spjegat li l-ammont ta’ fondi allokat għall-kunsilli lokali, sabiex isiru dawn l-attivitajiet, hu ta’ madwar nofs miljun ewro. L-attivitajiet se jvarjaw minn iljieli sajfin, wirjiet agrarji, u attivitajiet oħra marbuta mal-attrazzjonijiet tal-lokalitajiet rispettivi.
Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli qalet li dawn l-attivitajiet huma l-ewwel sett ta’ attivitajiet li ġew imħabbra, hekk kif fiż-żmien li ġej se jkunu qed jitniedu aktar attivitajiet minn lokalitajiet differenti. Spjegat li hemm programm sħiħ ta’ attivitajiet sal-aħħar ta’ din is-sena u li kollha se jkunu qed jittellgħu permezz ta’ fondi minn din l-iskema.
“Matul l-aħħar snin rajna li l-Kunsilli Reġjonali u Lokali jkollhom fondi biżżejjed sabiex iżommu l-lokalitajiet tagħhom ħajjin permezz ta’ attivitajiet varji. Fil-fatt, matul is-sena qed noħorġu numru sabiħ ta’ skemi sabiex ikollna għadd ta’ attivitajiet staġjonali, marbuta fost oħrajn mal-Milied, l-Għid u s-Sajf. Dan huwa parti mill-istrateġija tal-Gvern li jżomm il-kommunitajiet ħajjin permezz ta’ attivitajiet ta’ kwalità,” qalet is-segretarju parlamentari.
Hija tenniet li apparti fondi sabiex issir il-manutenzjoni meħtieġa u titjieb l-infrastruttura tal-lokalitajiet, il-Gvern qed jagħti wkoll l-għodda neċessarja sabiex il-ħajja fil-komunitajiet tkun waħda attiva wkoll, u li jgawdu minnha kemm il-familji tal-lokal, in-nies ta’ barra l-lokal u anke t-turisti li jżuru pajjiżna.
Min-naħa tiegħu, id-Direttur Ġenerali Emil Vassallo, spjega li f’dan l-ewwel sett ta’ attivitajiet hemm 18-il Kunsill Lokali Malti u 7 Kunsilli Lokali Għawdxin li se jibbenefikaw mill-fondi. Huwa nnota b’sodisfazzjon li kien hemm konkorrenza qawwija wkoll minn lokalitajiet li fihom il-kultura mhix daqshekk popolari daqs lokalitajiet aktar antiki.
Intant, l-attivitajiet imħabbra se jkunu qed jittellgħu f’dawn il-lokalitajiet; Ħ’Attard, il-Mellieħa, San Ġwann, Birkirkara, il-Gżira, Ħal Għargħur, l-Iklin, Tas-Sliema, Ta’ Xbiex, il-Kalkara, ix-Xgħajra, Ħal Luqa, Marsaxlokk, Santa Venera, l-Imdina, Ħad-Dingli, Ħal Kirkop u ż-Żurrieq. Filwaqt li dawk f’Għawdex se jkunu qed jinżammu f’Għajnsielem, Ta’ Kerċem u Santa Luċija, il-Qala, Ta’ Sannat, ix-Xagħra, ix-Xewkija u ż-Żebbuġ.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN