STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, L-INTRAPRIŻA U PROĠETTI STRATEĠIĊI Malta tkompli tibni ekonomija bbażata fuq it-talent permezz ta’ taħriġ f’Unreal Engine
“Qegħdin inkomplu nibnu pajjiż ibbażat fuq it-talent, billi nagħtu liż-żgħażagħ tagħna l-opportunitajiet kollha f'oqsma innovattiva." Dan qalu l-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri, waqt it-tnedija tal-proġett 'Unreal Engine Education Pathways'. Dan il-programm għandu l-għan li jkabbar il-potenzjal taż-żgħażagħ f'pajjiżna u jiftħilhom il-bibien beraħ għall-industrija tal-video game development, permezz ta' taħriġ fil-game engine, Unreal Engine.
Din l-inizjattiva, b'kollaborazzjoni mal-kumpanija internazzjonali Epic Games, permezz ta' software li jintuża għall-ħolqien ta' video games Unreal Engine, tagħmel parti mill-isforz tal-Gvern biex inkomplu nsaħħu l-ħiliet teknoloġiċi u kreattivi f'Malta, filwaqt li jinfetħu orizzonti ġodda għall-ekonomija diġitali u tal-kontenut immersiv. Epic Games huma l-moħħ wara diversi video games popolari fosthom Fortnite.
Din l-inizjattiva qed titwettaq taħt l-Akkademja għall-Media Interattiva, li tifforma parti mill-ħidma ta' Gaming Malta, biex jiġi żgurat li t-taħriġ ikun prattiku, immexxi mill-esperjenza tal-industrija u allinjat mal-ħtiġijiet tal-impjiegi tal-futur. L-Akkademja għall-Media Interattiva se toffri kollaborazzjoni ma' kumpaniji kbar f'dan il-qasam li se joffru masterclases immexxija minn professjonisti mill-industrija.
Il-Ministru Schembri fakkar li, “Kien fl-2019 li nedejna strateġija għall-video game development u esports, niċeċ ekonomiċi ġodda, li emminna fihom. Wegħedna dakinhar li ninvestu fiż-żgħażagħ tagħna biex ikollhom futur f'dawn l-industriji u hekk qed nagħmlu. Illum għandna diġà ekosistema b'saħħitha magħmula minn bosta kumpaniji kif ukoll ħaddiema li qegħdin joperaw fil-qasam tal-Video Game Development u l-eSports."
“Din l-inizjattiva hija parti mill-viżjoni li Malta ma tkunx biss parteċipant fil-qasam diġitali, iżda tkun ta' eżempju. Qed nibnu futur ibbażat fuq il-valur, l-għarfien u l-kreattività Maltija. Dan kollu huwa wkoll parti integrali mill-Viżjoni Malta 2050 – il-pjan fit-tul tal-Gvern biex jinbena mudell ekonomiku bbażat fuq l-innovazzjoni, il-valur miżjud u t-talent. F'din il-Viżjoni, Malta qed tpoġġi setturi bħall-gaming, il-midja interattiva u l-kreattività diġitali fiċ-ċentru tal-iżvilupp ekonomiku tal-ġejjieni. Malta temmen fiż-żgħażagħ tagħha. Aħna mhux biss qed noħolqu opportunitajiet għalihom, imma qed nibnu ekonomija sostenibbli li tgħinhom jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom hawn stess f'pajjiżhom," temm jgħid il-Ministru Schembri.
Ivan Filletti, Kap Eżekuttiv ta' Gaming Malta żied jgħid li, “L-edukazzjoni u t-tkabbir ta' niċeċ ekonomiċi ġodda jimxu id f'id. Hekk biss nistgħu nippreparaw lill-ġenerazzjonijiet futuri sabiex ikunu parti mill-ekonomija diġitali li dejjem qed tiżviluppa. Illum bħala Gaming Malta għamilna pass importanti f'din id-direzzjoni fil qasam tal-logħob diġitali billi introduċejna uffiċjalment it-triq għat-taħriġ fuq waħda mill-akbar game engines fid-dinja – Unreal Engine – minn Epic Games."
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN