STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI SOĊJALI U AFFORDABBLI Inizjattivi ambizzjużi li jkomplu jtejbu l-qasam tal-akkomodazzjoni soċjali u affordabbli f’Malta – Konferenza Nazzjonali dwar il-futur ta’ dan il-qasam
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes indirizza konferenza dwar il-futur tal-qasam tal-akkomodazzjoni soċjali u affordabbli f’pajjiżna. Din il-konferenza ttellgħet mill-Awtorità tad-Djar bil-għan li tlaqqa’ l-imsieħba soċjali tas-settur u tkun ta’ pjattaforma li fiha jiġi diskuss dak li twettaq f’dan is-settur, dak li qiegħed isir, kif ukoll it-triq ’il quddiem.
Il-Ministru Galdes spjega għadd ta’ inizjattivi li jiffurmaw parti integrali mill-Viżjoni Malta 2050; il-pjan nazzjonali għat-tkabbir sostenibbli f’pajjiżna. Il-ministru sostna li l-Viżjoni Malta 2050 hija strateġija ambizzjuża u komprensiva li għandha prinċipju ewlieni, li tħares il-kwalità tal-ħajja tal-poplu tagħna. F’dan il-kuntest, is-settur tal-akkomodazzjoni soċjali u affordabbli huwa wieħed mill-pilastri tas-soċjetà tagħna, b’miżuri konkreti u miri ċari.
Waħda mill-miri prinċipali hija dik ta’ iktar proġetti ta’ akkomodazzjoni soċjali. Matul l-2024, ġew allokati 514 unit ġdid f’lokalitajiet diversi bħall-Imsida, is-Siġġiewi, Bormla, il-Qrendi, Ħaż-Żebbuġ, Ħal Luqa u Ħal Kirkop. Preżentament, għaddej ix-xogħol fuq proġetti oħra fis-Siġġiewi, fil-Qrendi, fil-Mellieħa, f’Bormla, kif ukoll f’Ħal Farruġ fuq l-akbar proġett ta’ akkomodazzjoni soċjali fil-pajjiż, li se jinkludi madwar 267 appartament u 300 spazju ta’ parkeġġ, b’investiment ta’ madwar €40 miljun.
Il-ministru żied jgħid li permezz ta' dawn l-inizjattivi, il-gvern għandu l-għan li jnaqqas il-lista ta’ stennija għall-akkomodazzjoni soċjali bejn 15% u 20% sal-2035. Dan kollu jista’ jsir permezz ta’ politika proattiva li tħares il-bżonnijiet tal-poplu Malti u Għawdxi mhux biss dawk kurrenti, iżda ukoll dawk futuri. Mill-2018 sal-2024, il-lista nazzjonali ta’ stennija naqset kważi bin-nofs. Dan seta’ jkun possibbli b’ħidma bla waqfien fis-settur, kif ukoll permezz ta’ investiment sostanzjali.
Il-Ministru Galdes sostna li permezz ta’ investiment ta’ iktar minn €52 miljun, bejn l-2017 u l-2023 għenu 1,391 familja ssir sid ta’ darha. Madwar familja kull jumejn saret sid ta’ darha permezz tal-iskemi Deposit Guarantee, Equity Sharing, Social Loan, New Hope u Sir Sid Darek.
Il-ministru spjega kif fl-2024, permezz ta’ investiment ta’ madwar €18 miljun iktar minn 5,700 familja bbenefikaw mis-sussidju tal-kera, kif ukoll mis-sussidju tal-kera għal kirjiet ta’ qabel l-1995.
Il-ministru enfasizza wkoll fuq il-progress li sar fuq is-suq tal-kiri, fejn sa tmiem l-2024 kienu rreġistrati aktar minn 66,000 kuntratt ta’ kiri taħt il-liġi ġdida tal-2020.
“Pjattaformi bħal din il-konferenza huma importanti sabiex flimkien inkunu nistgħu niddiskutu s-settur u nkomplu nfasslu politika proattiva li tkompli tagħmel differenza fil-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin”, ikkonkluda l-Ministru Galdes.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, Matthew Zerafa, irringrazzja lil dawk kollha preżenti u tenna li l-futur tal-akkomodazzjoni f’Malta jista’ jkompli jitfassal permezz tad-djalogu bejn l-imsieħba kollha fis-settur.
Il-konferenza ġiet indirizzata wkoll minn Sorcha Edwards, Segretarju Ġenerali ta’ Housing Europe, li tat ħarsa komparattiva lejn l-akkomodazzjoni soċjali u affordabbli f’diversi pajjiżi Ewropej.
Matul il-konferenza, kelliema minn setturi differenti, inklużi l-pubbliku, il-privat, il-banek u l-akkademja, se jwasslu għal diskussjoni interessanti dwar l-isfidi u l-opportunitajiet tas-settur tal-akkomodazzjoni f’pajjiżna.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN