STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI: Imniedi ċ-Ċentru tat-Trasformazzjoni – enfasi fuq il-persuna fiċ-ċentru tas-settur edukattiv
Il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni kompla jpoġġi lill-persuna fiċ-ċentru bit-tnedija taċ-Ċentru tat-Trasformazzjoni li saret dalgħodu mill-Ministru Clifton Grima, akkumpanjat mis-Segretarju Permanenti Matthew Vella. Dan huwa ċentru li jinsab fil-qalba tal-Malta Education Foresight Forum (MEFF) bħala wieħed mit-tliet komponenti prinċipali tiegħu.
Iċ-Ċentru huwa spazju dinamiku li jħeġġeġ il-kreattività u l-innovazzjoni, u jippermetti lill-edukaturi, studenti u partijiet interessati biex ikunu parti attiva mill-mekkaniżmu ta’ feedback u applikazzjoni għall-politiki edukattivi kemm ta’ bħalissa kif ukoll dawk li jsiru fil-futur. Dan huwa approċċ ibbażat fuq il-viżjoni strateġika għall-futur, u jiżgura li s-sistema edukattiva ta’ Malta tibqa’ miftuħa għall-futur, reattiva għal sfidi ġodda u inklużiva fit-tfittxija tagħha għal titjib tal-kurrikulu u tkabbir edukattiv.
“Permezz tat-Transformation Hub qed inkomplu npoġġu l-persuna fiċ-ċentru. Dan wegħednieh fil-Manifest Elettorali u qed inwettquh. Fil-Manifest konna wegħedna li l-edukaturi għandu jkollhom rwol akbar ta’ policy-makers u li hemm bżonn li jkunu integrati aħjar fir-riċerka u fit-teħid tad-deċiżjonijiet. Wegħedna wkoll li rridu nsaħħu d-djalogu mal-edukaturi minn oqsma differenti biex niddiskutu kwalunkwe bidla intiża biex ittejjeb is-sistema preżenti, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-futur tal-professjoni tagħhom,” spjega l-Ministru Clifton Grima.
Iċ-Ċentru jagħti vuċi lill-edukaturi u partijiet interessati oħra permezz ta’ ambjent dinamiku u kkontrollat, li fih, studenti, edukaturi, żgħażagħ, dawk li jfasslu l-politika u partijiet interessati oħra jistgħu jesploraw kunċetti edukattivi u teknoloġiji ġodda f’ambjent addattat.
L-għan taċ-Ċentru tat-Trasformazzjoni huwa li jagħti s-setgħa lill-edukaturi biex jiffurmaw l-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-politiki edukattivi b’viżjoni għall-futur, kif deskritt fil-politika ġdida ‘Educators as Policy Makers’.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru, Matthew Vella, qal, “Illum, bħala parti mit-trasformazzjoni kontinwa fis-settur edukattiv, inawgurajna uffiċjalment iċ-Ċentru tat-Trasformazzjoni, li jagħmel parti mill-Malta Education Foresight Forum. Din hija inizjattiva marbuta mill-qrib mal-politika ‘Educators as Policy Makers’ u li tifforma parti integrali mill-Istrateġija Nazzjonali tal-Edukazzjoni. Iċ-Ċentru tat-Trasformazzjoni huwa maħsub bħala spazju vibranti u dinamiku għall-esplorazzjoni u l-innovazzjoni kollaborattiva, u ħa l-ħajja permezz tal-parteċipazzjoni attiva tal-edukaturi waqt l-ewwel workshop. Din l-inawgurazzjoni timmarka mument kruċjali fl-iffurmar tal-futur tal-edukazzjoni f’Malta”.
Il-Ministru Grima fakkar li r-rwol tal-edukatur fit-tfassil tal-politika edukattiva beda propju meta tfasslet mill-qiegħ l-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni, meta kienu l-edukaturi nfushom li fasslu l-pedament ta’ din l-istrateġija.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN