STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAX-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Il-Public Works bi proġett ta’ riġenerazzjoni fiċ-Ċentru Parrokkjali f’Ħal Safi
Minn Ċentru Parrokkjali mitluq f'Ħal Safi, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi ser ikun qiegħed jaħdem fuq proġett ta' riġenerazzjoni ħolistika fuq dan iċ-Ċentru biex jerġa' jibda jintuża bħala d-dar naturali għall-komunità Safija.
Waqt żjara f'dan iċ-Ċentru, is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia ħabbar kif il-binja taċ-Ċentru, li bħalissa tinsab fi stat mitluq, ser tkun qiegħda tiġi riġenerata biex terġa' tibda tilqa' fiha liż-żgħażagħ, lill-anzjani u lill-għaqdiet volontarji tal-lokalità.
“Il-Gvern bil-fatti jemmen, li biex ikollna pajjiż ta' kwalità, irridu nsaħħu l-għaqda u s-sens ta' komunità fil-qalba tal-lokalitajiet tagħna. Dan huwa dak li jissimbolizza dan il-proġett ta' riġenerazzjoni fiċ-Ċentru Parrokkjali ta' Ħal Safi, li ser jerġa' joffri spazju modern u ta' livell għoli għall-komunità Safija," stqarr Farrugia.
Is-Sindku ta' Ħal Safi Johan Mula wera s-sodisfazzjon tiegħu u tal-Kunsill Lokali li binja li tmur lura għaż-żmien il-Kavallieri mhux biss ser tkun salvata u rriġenerata iżda ser tintuża għall-familji u l-komunità Safija.
Il-Kappillan tal-Parroċċa Fr Ivan Scicluna, filwaqt li rringrazzja lis-Segretarjat Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi li ser ikun qiegħed imexxi dan il-proġett, irrimarka li permezz ta' dan il-proġett bżonnjuż, il-Parroċċa, ser ikollha post fejn fih jistgħu jerġgħu jibdew jitlaqqgħu ż-żgħażagħ u l-familji biex iqattgħu ħin ta' kwalità flimkien.
Il-proġett ta' riġenerazzjoni ta' dan iċ-Ċentru ser ikun qiegħed isir b'investiment ta' €250,000.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN