STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U T-TURIŻMU Malta tiftaħ Konsolat Ġenerali f’Dubai
Malta uffiċjalment fetħet Konsolat Ġenerali f'Dubai, sabiex tkompli ssaħħaħ il-ħidma politika, ekonomika u kulturali mal-Emirati Għarab Magħquda, u tappoġġja l-komunità Maltija f'dan ir-reġjun, flimkien mal-Ambaxxata Maltija f'Abu Dhabi.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg inawgura dan il-Konsolat Ġenerali nhar il-Ħamis filgħaxija, wara li aktar kmieni mexxa l-laqgħa inawgurali tal-Kummissjoni Konġunta bejn Malta u l-Emirati Għarab Magħquda, f'ġimgħa kruċjali għall-koperazzjoni bilaterali u multilaterali bejn iż-żewġ pajjiżi.
Il-Ministru tal-Istat għall-Kummerċ Barrani tal-Emirati Għarab Magħquda Thani bin Ahmed Al Zeyoudi, l-Ambaxxatur ta' Malta għall-Emirati Għarab Magħquda Maria Camilleri Calleja u l-Konslu Malti f'Dubai Patricia Borg Cooper, u uffiċjali oħrajn taż-żewġ rappreżentazzjonijiet Maltin f'dan il-pajjiż, ukoll ħadu sehem fl-inawgurazzjoni.
Id-Deputat Prim Ministru Malti stqarr li “dan huwa mument sinifikanti fil-vjaġġ ta' Malta sabiex issaħħaħ il-preżenza tagħha madwar id-dinja, mhux biss permezz tas-servizzi konsulari, iżda wkoll b'rabtiet politiċi, ekonomiċi u kulturali aktar b'saħħithom mal-Emirati Għarab Magħquda. Il-preżenza tagħna hawnhekk tkompli tixhed l-impenn ta' Malta lejn il-ħidma internazzjonali, u x-xewqa tagħna li nkunu ta' ġid għad-djalogu globali lejn il-paċi, l-prosperità u l-koperazzjoni."
Dr Borg spjega li l-ftuħ ta' dan il-Konsolat huwa konferma tal-aspirazzjonijiet kondiviżi, tal-potenzjal kollettiv u tal-ħidma taż-żewġ naħat lejn il-progress. Faħħar is-sehem dinamiku li tat Dubai fix-xena internazzjonali u tenna l-intenzjoni ta' Malta li żżid il-kollaborazzjoni tagħha mal-Emirati Għarab Magħquda f'setturi ewlenin bħall-innovazzjoni, l-edukazzjoni, s-sostenibilità, s-saħħa, t-trasformazzjoni diġitali u t-turiżmu.
“Permezz ta' kollaborazzjoni u rispett reċiproku, Malta u l-Emirati Għarab Magħquda se jkomplu jagħmlu kisbiet sbieħ flimkien. Inħarsu 'l quddiem li naraw dan il-konsolat ikun simbolu ta' sħubija – mhux biss għall-uffiċjali tal-istat u l-istituzzjonijiet, iżda wkoll għaċ-ċittadini, għall-imprendituri, l-artisti, l-akkademiċi u għall-ġenerazzjonijiet ta' warajna," qal id-Deputat Prim Ministru Borg.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN