STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAX-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Riġenerazzjoni fiż-żona tal-Ark de Rohan f’Ħaż-Żebbuġ
Fiż-żona ta' Arc De Rohan ġewwa Ħaż-Żebbuġ, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi lesta xogħol ta' riġenerazzjoni ta' din iż-żona tant għal qalb il-komunità Żebbuġija. Ix-xogħol jinkludi pavimentar ġdid, bankijiet ġodda u sistema ta' dawl artistiku ġdid li se jkompli jsebbaħ din iż-żona tant sabiħa.
Fl-inawgurazzjoni ta' dan il-proġett, is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia stqarr, “Din ir-riġenerazzjoni hija waħda ħolistika għaliex minbarra li rajna li nsebbħu u nipproteġu l-wirt tagħna li jagħmilna Maltin, qegħdin noffru spazju mill-isbaħ lir-residenti ta' Ħaż-Żebbuġ, fejn jistgħu jiġu u jqattgħu ftit mill-ħin tagħhom jirrilassaw hawnhekk."
Is-Segretarju Parlamentari saħaq li dan il-proġett huwa parti mill-ħidma tal-gvern sabiex il-pajjiż ikollu iżjed spazji miftuħa li jistgħu jitgawdew min-nies.
Is-Sindku ta' Ħaż-Żebbuġ, Steve Zammit Lupi, tenna li dawn il-proġetti huma proġetti li jkomplu jtejbu l-ħajja ta' kuljum tar-residenti u saħaq ukoll kemm din iż-żona tant għal qalb iż-Żebbuġin qiegħda tingħata l-apprezzament li jixirqilha. Huwa rringrazzja lid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi tax-xogħol li qed isir ġewwa Ħaż-Żebbuġ.
Dawn ix-xogħlijiet huma parti minn numru ta' xogħlijiet oħrajn ta' riġenerazzjoni li d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi qiegħed iwettaq madwar il-pajjiż, anke f'Ħaż-Żebbuġ stess, fosthom il-ħolqien ta' spazju miftuħ ġdid fi Ġnien l-Indipendenza, kif ukoll spazju miftuħ ieħor fil-qalba tal-lokalità fi Triq Sciortino.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN