STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAX-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Imħabbra l-ewwel edizzjoni ta’ Festa Ħaddiem – Minn Id il-Public Works
Festa għall-familja kollha biex tkun iċċelebrata s-sengħa tas-snajja' fiż-Żona tal-Kunċerti f'Ta' Qali
Is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia, flimkien mad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, ħabbar li nhar is-Sibt 3 ta' Mejju u l-Ħadd 4 ta' Mejju ser tkun qed tittella' l-ewwel edizzjoni ta' Festa Ħaddiem – Min Id il-Public Works, festa għall-familja kollha fejn ser tkun iċċelebrata s-sengħa tas-snajja' tal-ħaddiema tal-Public Works.
Is-Segretarju Parlamentari Omar Farrugia, spjega, “Hekk kif ninsabu qrib ix-xahar ta' Mejju fejn bħala pajjiż niċċelebraw Jum il-Ħaddiem u l-bżulija tal-poplu Malti u Għawdxi, bħala Segretarjat Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi flimkien mal-Public Works ser norganizzaw l-ewwel edizzjoni ta' Festa Ħaddiem – Minn Id il-Public Works."
Huwa fakkar kif din il-festa ser tkun imtella' mill-eqdem Dipartiment fi ħdan is-settur pubbliku. “Fuq jumejn qegħdin nistiednu lill-familji Maltin biex jingħaqdu magħna biex niċċelebraw ix-xogħol tas-snajja' li l-ħaddiema tal-Public Works jagħmlu fil-komunitajiet madwar il-pajjiż."
Is-Segretarju Parlamentari temm jgħid li din il-festa ser tkun qed issir proprju fi proġett li nħadem u qed ikun immaniġġjat mill-Public Works, fiż-Żona tal-Kunċerti, fejn tagħmel parti mill-ikbar spazju miftuħ u aħdar li għandu pajjiżna.
Adiel Cuschieri, mit-Taqsima tal-Komunikazzjoni tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, spjegat li matul din l-attività, minbarra li ser ikun esebit ix-xogħol tal-ħaddiema tal-Public Works, ser ikun qiegħed isir xogħol tal-id fuq l-injam, tqegħid ta' madum, naġġar jaħdem fuq numru ta' ħnejjiet, spazju interattiv li juri l-istorja tal-Public Works tul is-snin, virtual reality (VR) tal-Funtana tat-Tritoni, tours għall-familja miż-Żona tal-Kunċerti għall-Formal Garden kif ukoll għadd ta' inġenji esebiti biex jitgawdew mill-viżitaturi.
Il-Kap tal-Unit tal-Park Nazzjonali ta' Ta' Qali Jason Micallef stqarr li huwa kuntent li jara l-akbar spazju miftuħ tal-pajjiż jintuża biex isiru attivitajiet bħal dawn li jferrħu lill-familji, kif ukoll jesebixxu xogħlijiet u l-ħidma ta' dan id-Dipartiment illi ilu jopera għal għexieren ta' snin. Kompla billi stqarr kif dan anke juri l-impenn tal-Gvern illi joffri lin-nies iżjed spazji miftuħa lill-poplu. Micallef kompla billi faħħar ukoll ix-xogħol li qed isir fir-riġenerazzjoni tal-picnic area ġewwa Ta' Qali, sabiex ikompli jitgawda mill-Maltin.
Waqt Festa Ħaddiem – Minn Id il-Public Works, ser jittellgħu numru ta' attivitajiet fosthom sessjonijiet ta' żumba, kant, tagħlim fuq servizzi tal-ewwel għajnuna u stands tal-ikel u x-xorb fost attivitajiet oħrajn għall-familja kollha.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN