STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U D-DRITTIJIET TAT-TFAL U L-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ U X-XOGĦOL 30 sena ta’ ħidma mid-Dlam għad-Dawl
Tfakkar it-tletin anniversarju tal-għaqda mhux governattiva Mid-Dlam għad-Dawl li saret fuq quddiem nett fis-servizzi ta’ fejda li toffri lill-priġunieri u l-familji tagħhom.
F’konferenza l-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon u l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri elenkaw l-oqsma fejn din l-għaqda qed toffri s-servizzi tagħha għal benefiċċju tal-integrazzjoni mill-ġdid fis-soċjetà ta’ priġunieri li jkunu skontaw is-sentenza tagħhom fil-ħabs. It-tnejn faħħru l-għaqda għal mod kif tbiddlet il-mentalità ta’ kif isiru l-affarijiet fil-konfront tal-priġunieri u l-familji tagħhom.
Il-Ministru Michael Falzon saħaq li l-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal diġà għandu ftehim soċjali mal-Fondazzjoni Mid-Dlam għad-Dawl, u li se jkun estiż din is-sena.
“L-allokazzjoni finanzjarja għal din is-sena ser tkun qed tikber b’aktar mid-doppju ta’ dak il-ftehim li għandna sal-lum. Ser nkunu qed inħallsu għal aktar sodod u nżidu Aftercare & Community Services, sabiex inkomplu ngħinu persuni u familjari li bbenefikaw minn dan is-servizz,” saħaq il-Ministru Michael Falzon.
Min-naħa tiegħu l-Ministru Byron Camilleri spjega li l-partnership b’saħħtu bejn il-ministeru u l-għaqda wassal għal diversi servizzi li mhux biss jaħdmu għal riabilitazzjoni tal-persuni, iżda b’mod speċjali li jsaħħaħ ir-relazzjoni familjari ta’ dawk li jkunu qed jiskontaw sentenza mal-familja tagħhom, b’mod speċjali mat-tfal tagħhom. Huwa qal li fl-aħħar sentejn u nofs din l-għaqda offriet 520 sessjoni jew visti li fihom ipparteċipaw 58 priġunier. Għenet ukoll 94 tifel u tifla li ħadu sehem fil-programm ‘Jien u Int’ li bih persuni li qed jiskontaw sentenza jiltaqgħu ma’ uliedhom u membri tal-familja tagħhom. Permezz tal-programm ‘Locked Out’ kien hemm aktar minn 2,600 intervent jew sessjoni ta’ terapija lill-individwi li qed jiskontaw sentenza l-ħabs; sessjonijiet ma’ membri tal-familji tagħhom inkella bit-tnejn flimkien f’laqgħat u servizzi ta’ terapija mogħtija minn professjonisti.
Mid-Dlam għad-Dawl kienet ukoll strumentali biex twettaq il-proġett Dar bla Ħitan li bih aktar minn mitt familja ltaqgħu ma’ dawk li qed jiskontaw sentenza ta’ priġunerija.
Il-Ministru Byron Camilleri semma l-għajnuniet li ta l-gvern lill-għaqda fosthom miljun u mitt elf ewro biex infetħet half-way house fil-Birgu u man-nofs miljun ewro biex ikopru l-spejjeż ta’ professjonisti li jagħtu pariri lill-priġunieri u l-familjari tagħhom. Qal li l-gvern jibqa’ impenjat jieħu inizjattivi favur il-vittmi tal-kriminalità iżda daqstant ieħor lest jassisti għaqdiet mhux governattivi li jaħdmu kontra l-esklużjoni soċjali billi jagħmlu priġunier konxju mill-problema li waslitu biex jispiċċa l-ħabs.
Min-naħa tiegħu, George Busuttil, iċ-Chairperson ta’ mid-Dlam għad-Dawl, irrefera għal ħidma tal-għaqda favur proċess ta’ riabilitazzjoni sabiex mhux biss priġunier jaqbad mill-ġdid ir-rotta t-tajba, iżda jgħin biex tonqos ir-rata ta’ reċidiviżmu. Huwa spjega kif matul dawn it-tletin sena raw il-ħabs jinbidel b’mod totali, anke bis-saħħa tax-xogħol kbir li wettqet l-għaqda mid-Dlam għad-Dawl.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN