STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U T-TURIŻMU Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg iħeġġeġ lill-Presidenza Daniża tal-UE biex tiffoka fuq il-konnettività tar-reġjuni periferali tal-UE, fosthom stati gżej
Il-Ministru għall-Affarijiet Ewropew tad-Danimarka Bjerre f’Malta fi tħejjija għall-Presidenza Daniża tal-UE f’Lulju
“Ewropa kompetittiva hija Ewropa konnessa. Il-konnettività hija ass strateġiku bi rwol ewlieni għall-kompetittività, li jiżgura li r-reġjuni periferali, fosthom stati membri gżejjer, jegħlbu x-xkiel eżistenti, speċjalment fl-avjazzjoni, fit-trasport bil-baħar u fl-enerġija.”
L-Erbgħa, f’laqgħa mal-Ministru għall-Affarijiet Ewropej tar-Renju tad-Danimarka Marie Bjerre, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg ħeġġeġ lill-Presidenza Daniża tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea biex tiggwida lill-UE sabiex tiżgura li stati membri gżejjer bħal Malta ma jisfawx fi żvantaġġ minħabba l-pożizzjoni ġeografika tagħhom, b’mod li jiġi mhedded il-prinċipju Ewropew li kulħadd igawdi l-istess kundizzjonijiet u opportunitajiet.
Il-Ministru Bierre tinsab f’Malta għal laqgħat mal-awtoritajiet ta’ Malta, hekk kif id-Danimarka qed tħejji biex tieħu f’idejha l-Presidenza tal-Kunsill tal-UE bejn Lulju u Diċembru. Il-laqgħa tal-Erbgħa ffukat fuq il-prioritajiet tad-Danimarka għal din il-Presidenza, fosthom it-tranżizzjoni ekoloġika, l-Ukrajna, is-sigurtà u l-migrazzjoni.
Iż-żewġ Ministri tkellmu dwar diversi temi Ewropej, fosthom il-kummerċ u l-Istrateġija tas-Suq Uniku, li jeħtieġ tipprovdi pjan ċar sabiex jingħelbu l-ostakli li għad hemm kemm fil-prodotti kif ukoll fis-servizzi. “Filwaqt li l-moviment ħieles tas-servizzi jeħtieġ li jitjieb, it-tħassib ewlieni tagħna huwa dwar il-moviment ħieles ta’ prodotti essenzjali, li jolqtu liċ-ċittadini b’mod dirett,” qal Dr Borg.
Il-laqgħa ddiskutiet ukoll it-tkabbir tal-Unjoni Ewropea. Id-Deputat Prim Ministru Borg innota li Malta tappoġġja l-prinċipji maqbula dwar proċess ibbażat fuq il-mertu, hekk kif speċifikat fil-Kriterji ta’ Copenhagen. “Nemmnu li għandna nkomplu nibnu fuq il-progress li ksibna s’issa, sabiex nirreġistraw iktar riżultati fl-2025. Jeħtieġ li nirrikonoxxu l-isforzi li qed jagħmlu l-imsieħba tagħna, filwaqt li nkomplu nindirizzaw kwistjonijiet pendenti,” qal id-Deputat Prim Ministru.
Malta ssostni wkoll li s-settur tal-enerġija huwa kruċjali għat-tranżizzjoni ekoloġika, kif ukoll għall-kompetittività ekonomika, għar-reżiljenza industrijali u għall-innovazzjoni. Għandu jkun hemm aktar investimenti fl-infrastruttura tal-enerġija u fl-interkonnessjonijiet, hekk kif uħud mill-istati membri, bħal Malta, jeħtieġu iżjed aċċess għan-networks tal-gass u tal-elettriku tal-UE.
Dwar is-sigurtà, Dr Borg spjega li Malta hija militarment newtrali, iżda bħalma għamel f’kull okkażjoni fil-passat, il-pajjiż mhux se joqgħod lura milli jaħdem b’mod attiv għall-paċi fir-reġjun u lil hinn minnu. Id-Deputat Prim Ministru qal li Malta se tkompli wkoll tagħti l-kontribut mhux militari tagħha b’rispett sħiħ lejn il-Kostituzzjoni ta’ Malta.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN