Left arrow Go Back

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Jitnieda r-raba’ edizzjoni tal-Fond Nazzjonali tal-Komunità STEM għall-2025 – żieda ta’ 300% fil-fondi allokati

pr250548
Date Icon 03/04/2025

Il-Grupp ta' Ħidma Nazzjonali dwar l-Involviment STEM nieda uffiċjalment ir-raba' edizzjoni tal-Fond Nazzjonali tal-Komunità STEM għall-2025. Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet mis-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti.

Dan il-fond, li huwa mmexxi miċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza, Esplora, f'isem Xjenza Malta, għandu l-għan li jispira u jappoġġja proġetti fil-komunità li jiffokaw fuq ix-Xjenza, it-Teknoloġija, l-Inġinerija u l-Matematika (STEM). Għall-2025, il-baġit totali tal-fond se jkun ta' €100,000, li jirrappreżenta żieda ta' 300% meta mqabbel ma' snin preċedenti. Kull proġett rebbieħ se jkun jista' jirċievi sa €10,000 f'għajnuna finanzjarja.

Il-Fond iħeġġeġ lill-iskejjel, kunsilli lokali, mużewijiet, NGOs u gruppi oħra fil-komunità biex japplikaw. Dawn l-entitajiet huma mistiedna jaħdmu ma' professjonist fuq STEM sabiex joħolqu proġetti li jkunu kemm innovattivi fil-qasam xjentifiku kif ukoll ta' benefiċċju tanġibbli u sostenibbli għall-komunitajiet tagħhom.

Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti qal, “Il-Gvern impenjat li jkompli jinvesti u jibni s-setturi tar-riċerka u l-innovazzjoni, u għalhekk, minbarra li qed nikkommettu finanzjament tlett darbiet aktar mis-snin ta' qabel, qed inżidu wkoll il-kappa massima ta' kull proġett minn €8,000 għal €10,000. Dan mhux sempliċi żieda finanzjarja, imma konferma tal-impenn tagħna li nibqgħu nallokaw il-ġid li qed jinħoloq lejn iċ-ċittadini, biex l-opportunitajiet li jinħolqu jkunu ta' kwalità."

“L-iSTEM huma fundamentali biex inkomplu nibnu futur fejn pajjiżna jikber ekonomikament u soċjalment. Dan kollu jagħmel parti minn viżjoni ċara u konkreta li għandna bħala Gvern – Viżjoni Malta 2050 – viżjoni li tħares lejn għada u li, anke bil-passi li nieħdu llum, qegħdin naħdmu biex noħolqu prosperità ġdida li tilħaq lill-ħaddiema u lill-familji tagħhom. Aħna nemmnu li l-aqwa riżorsa ta' dan il-pajjiż huma n-nies tiegħu," temm jgħid Azzopardi Tanti.

Il-Kap Eżekuttiv ta' Xjenza Malta, Silvio Scerri, spjega li, “Din l-inizjattiva hija dwar il-kollaborazzjoni u l-isfruttar tal-qawwa kollettiva tan-nies, tal-ideat u l-għarfien espert. Dan il-fond se jipprovdi l-għodda meħtieġa biex min għandu viżjoni ċara jirnexxielu jagħmel impatt tanġibbli."

Min-naħa tagħha, Irene Mangion, li se tmexxi l-proġetti ta' dan il-fond, qalet li, “Bi qbil mal-isforzi tal-Unjoni Ewropea li tirrikonoxxi l-kontribut taċ-ċittadini fil-ġbir ta' informazzjoni xjentifika u soluzzjonijiet kreattivi għall-isfidi soċjali, aħna wkoll se nagħtu l-appoġġ tagħna għal dawn l-inizjattivi tant siewja."

Is-suġġetti STEM mhux biss għandhom rwol edukattiv jew akkademiku, iżda huma kruċjali għall-ekonomija tal-futur tagħna; ekonomija li tkun sostenibbli, diġitali, u mibnija fuq ħiliet ta' kwalità. Dan il-Fond jagħti s-setgħa liċ-ċittadini – żgħar u kbar – biex jużaw l-iSTEM b'mod konkret biex isolvu problemi u jtejbu l-benesseri madwarhom, bl-appoġġ ta' riċerkaturi u esperti.

Fl-edizzjoni tal-2024, tqassmu  €24,000 f'fondi u ġew appoġġjati firxa ta' proġetti li raw kollaborazzjoni bejn istituzzjonijiet fil-komunità u professjonisti STEM. Dawn il-proġetti indirizzaw il-ħtiġijiet tal-komunità filwaqt li promwovew dixxiplini STEM u rabtu l-komunitajiet max-xjenza b'mod sostenibbli.

L-applikazzjonijiet għall-edizzjoni tal-2025 tal-Fond Nazzjonali tal-Komunità STEM huma miftuħa sat-23 ta' Mejju 2025. L-organizzazzjonijiet eliġibbli li jixtiequ japplikaw jistgħu jiksbu aktar informazzjoni u jissottomettu l-applikazzjonijiet tagħhom billi jikkuntattjaw stemengagement.esplora@gov.mt.

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Jitnieda r-raba’ edizzjoni tal-Fond Nazzjonali tal-Komunità STEM għall-2025 – żieda ta’ 300% fil-fondi allokati
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Jitnieda r-raba’ edizzjoni tal-Fond Nazzjonali tal-Komunità STEM għall-2025 – żieda ta’ 300% fil-fondi allokati
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Jitnieda r-raba’ edizzjoni tal-Fond Nazzjonali tal-Komunità STEM għall-2025 – żieda ta’ 300% fil-fondi allokati
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow