STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-ANZJANITÀ ATTIVA Sistema ta’ arja kundizzjonata ġdida fid-Dar Residenzjali taż-Żejtun
B'investiment ta' €400,000, ġiet installata sistema ġdida ta' fan coils fid-Dar Residenzjali taż-Żejtun, biex tissostitwixxi s-sistema preċedenti li kienet toħloq skumdità kemm għar-residenti kif ukoll għall-ħaddiema. Is-sistema l-ġdida se ttejjeb il-kwalità tal-arja, toffri ambjent aktar komdu matul is-sena kollha, u ttejjeb ukoll l-effiċjenza enerġetika tad-dar.
Fi żjara li għamel fid-Dar Residenzjali fejn anke ltaqa' mar-residenti, is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, Malcolm Paul Agius Galea, saħaq fuq l-importanza li d-djar residenzjali joffru ambjent adattat, sigur u komdu. “Dan l-investiment huwa parti minn kullana ta' proġetti li qed isiru fid-djar tal-anzjani tagħna. Qed noffru ambjent ta' kwalità li jwieġeb għall-bżonnijiet tar-residenti, filwaqt li nkomplu ntejbu l-istandards tal-kura residenzjali," tenna s-Segretarju Parlamentari.
Waqt l-istess żjara, is-Segretarju Parlamentari ltaqa' wkoll mal-Kumitat tal-Anzjani residenti fl-istess residenza, fejn iddiskutew diversi temi fosthom il-bżonnijiet tagħhom u l-importanza li dejjem isemmgħu leħinhom.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, Dr Renzo De Gabriele, spjega li dan il-proġett kien jinvolvi l-bdil komplet tas-sistema l-antika b'sistema aktar effiċjenti u sostenibbli, b'numru ta' units ġodda f'diversi swali u spazji komuni, kif ukoll l-installazzjoni ta' sistemi ta' kontroll moderni li jippermettu monitoraġġ aħjar tat-temperatura u tal-konsum tal-enerġija.
Dan il-proġett jifforma parti minn sensiela ta' inizjattivi li qed jitwettqu fid-djar residenzjali madwar Malta, fosthom dawk tal-Mosta, u l-Imtarfa, bil-għan li jkomplu jiġu modernizzati u joffru servizz b'dinjità u rispett lejn l-anzjani.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN