STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAS-SAJD, L-AKWAKULTURA U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI L-aġenzija Aquatic Resources Malta b’ħidma importanti favur ir-riċerka fis-sajd u l-akwakultura
Waqt attività fit-Torri ta' San Luċjan li mmarkat l-ewwel sena ta' ħidma tal-Aġenzija Aquatic Resources Malta, u li għaliha kien hemm preżenti s-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said, ingħata rendikont tal-ħidma li wettqet l-Aġenzija matul is-sena mit-twaqqif tagħha favur ir-riċerka fis-sajd u l-akwakultura.
Ġie spjegat kif l-Aġenzija wettqet ħidma f'għadd ta' faċilitajiet biex setgħu jitfasslu u jibdew jitwettqu proġetti ta' riċerka ġodda li huma utli għal Malta u għall-kontribuzzjoni fl-iżvilupp ekonomiku ta' pajjiżna. L-Aġenzija ssoktat ukoll bir-riċerka Ewropea fis-sajd, nediet il-proġett dwar speċi differenti ta' ħut, kif ukoll qed timplimenta l-proġett ta' konservazzjoni tar-rizzi.
Issemma wkoll kif l-Aġenzija għalqet ftehimiet ta' kollaborazzjoni ma' istituzzjonijiet Ewropej ewlenin bħalma huma l-Consiglio Nazionale delle Ricerche u Stella Mare, Università f'Korsika. Saru ftehimiet oħra importanti fosthom mal-Università ta' Malta u se jiġu ffirmati oħrajn mal-MCAST, l-ERA, u n-Nature Trust. Dan apparti li l-Aġenzija kompliet issaħħaħ il-kollaborazzjoni mas-settur privat u rappreżentanti tas-sajjieda.
Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said faħħret ix-xogħol li wettqet l-Aġenzija mit-twaqqif tagħha u enfasizzat l-importanza li għandha din l-Aġenzija fis-settur tal-akwakultura.
Hija fakkret li bit-twaqqif ta' din l-Aġenzija ġiet implimentata wegħda elettorali oħra. Sostniet li bil-ħidma li qed twettaq l-Aġenzija qed twassal għal tkabbir ekonomiku sostenibbli, filwaqt li qed tkompli tikkontribwixxi għall-ekonomija blu. “Nirringrazzja lill-ħaddiema kollha tal-Aġenzija għax mingħajr id-dedikazzjoni tagħhom, l-avvanz li qed naraw fis-settur tal-akwakultura ma kienx ikun possibbli," temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta' Aquatic Resources Malta, Dr Frank Fabri, semma wkoll kif l-Aġenzija għaddejja b'ħidma biex tniedi aktar proġetti ta' riċerka inkluż b'kofinanzjament ta' Fondi Ewropej, kif ukoll se tkun qed tniedi proġetti ta' konservazzjoni ta' speċi indiġeni varji bħalma huma l-bużaqq, il-gremxula tal-baħar u l-qabru. Dan apparti li l-Aġenzija għaddejja b'ħidma biex isiru l-ewwel tħejjijiet b'rabta ma' bini ta' ċentru ġdid ta' riċerka. Huwa radd ħajr lill-impjegati, il-komunità tas-sajjieda u l-imsieħba fis-settur li qed jaħdmu favur ir-riċerka u s-settur tas-sajd u l-akwakultura f'pajjiżna.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN