STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAS-SAJD, L-AKWAKULTURA U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI Malta tkompli tisħaq fuq il-bżonn li jiġu attirati aktar żgħażagħ lejn is-settur tas-sajd
Waqt il-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri Ewropej għall-Agrikoltura u s-Sajd fi Brussell, is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said kompliet tressaq ’il quddiem il-pożizzjoni ta’ Malta dwar is-sajd.
Waqt il-Kunsill ġew diskussi numru ta' temi fosthom il-futur tal-Politika Komuni tas-Sajd tal-Unjoni Ewropea, il-qafas regolatorju tas-settur u l-bżonn ta’ aktar sostenn finanzjarju għal investimenti fis-settur. Ġiet diskussa wkoll kampanja ġdida li se tkun qed tniedi l-Kummissjoni rigward l-akwakultura u l-benefiċċju tagħha għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u l-impatt ekonomiku u soċjali tagħha.
Fl-intervent tagħha, is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said enfasizzat il-bżonn li jkomplu jiġu attirati aktar żgħażagħ lejn is-settur tas-sajd. F’dan il-kuntest spjegat kif il-Fond Ewropej għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akwakultura (EMFAF) għandu jipprovdi allokazzjoni speċifika ta’ fondi li jinċentiva aktar żgħażagħ biex jidħlu f’dan is-settur, sabiex b’hekk tiġi żgurata kontinwità filwaqt li tiżdied il-kompetittività.
Dwar ir-regolamenti tal-Unjoni Ewropea u l-impatt tagħhom fuq is-sajd lokali, is-segretarju parlamentari saħqet fuq il-bżonn li jiġu adottati liġijiet li jirriflettu r-realtajiet ta’ pajjiżna, minflok l-implimentazzjoni ta’ politika uniformi li ma tqisx id-differenzi bejn l-Istati Membri.
Suġġett importanti ieħor li ġie diskuss waqt il-Kunsill kien rigward il-ħtieġa ta’ simplifikazzjoni fil-qafas regolatorju tas-settur peress li s-sajjieda spiss jiltaqgħu ma’ burokrazija eċċessiva u numru kbir ta’ formoli x’jimlew. F’dan ir-rigward is-Segretarju Parlamentari talbet lill-Unjoni Ewropea biex tintroduċi aktar flessibbiltà u simplifikazzjoni fil-proċeduri marbuta mas-sajd.
“Kommessi li nkomplu nimbuttaw ’l quddiem l-pożizzjoni ta’ pajjiżna sabiex flimkien mal-Membri Stati l-oħra nindirizzaw l-isfidi li qed jiffaċċja s-settur u nassiguraw li jkollna settur tas-sajd reżiljenti li jkompli jopera b’suċċess,” temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN