Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-prim ministru jappella għal aktar ħidma favur aċċess ġust u ekwu għall-prodotti essenzjali bħal mediċini fi ħdan is-Suq Waħdieni

PR250462
Date Icon 21/03/2025

“Ma nistgħux inħallu l-pazjenti Maltin ibatu u jkunu żvantaġġati sempliċiment minħabba l-pożizzjoni ġeografika ta' pajjiżna." Iddikjara dan il-Prim Ministru Robert Abela fi tmiem Summit ieħor tal-Kunsill Ewropew fi Brussell, fejn il-kompetittività tal-Unjoni Ewropea kienet waħda mit-temi prinċipali diskussi fi sfond ta' sfidi kontinwi fi ħdan is-suq waħdieni.

“F'Malta l-pazjenti huma żvantaġġati sew meta jiġu biex jaċċessaw prodotti mediċinali, primarjament minħabba l-frammentazzjoni li teżisti fis-suq intern li hi permessa mil-leġiżlazzjoni attwali fis-settur tal-farmaċewtika. Hemm bżonn insibu soluzzjoni permanenti u s-sapport tagħkom huwa importanti," sostna l-prim ministru mal-mexxejja Ewropej, hekk kif fakkar ukoll li l-Kummissjoni Ewropea diġà rrikonoxxiet is-severità ta' din il-problema.

B'rabta mal-kompetittività wkoll, Dr Abela sostna l-importanza li l-Unjoni Ewropea taħdem għal konnettività aħjar hekk kif qal li “din hija ċ-ċavetta sabiex jiġi assigurat 'level playing field' fis-suq waħdieni, speċjalment għal pajjiżi fil-periferija bħal Malta."

Is-Summit Ewropew tratta wkoll temi li dan l-aħħar iddominaw bi prominenza l-aġenda, fosthom l-aħħar żviluppi fl-Ukrajna u l-pjan ta' difiża tal-Unjoni Ewropea.

“Hawnhekk il-pożizzjoni tagħna baqgħet l-istess diment dejjem li l-politika ta' newtralità ta' pajjiżna tibqa' tiġi rispettata. Kif diġà ddikjarajna, aħna m'aħniex ser inkunu qed nipparteċipaw f'dan il-pjan permezz ta' xiri ta' armamenti, iżda ser nibqgħu ffukati fuq id-djalogu  u nibqgħu disposti biex niffaċilitaw taħdidiet ta' paċi," sostna l-prim ministru hekk kif qal ukoll li kollettivament trid issir ħidma favur waqfien mill-ġlied b'mod permanenti.

“Kwalunkwe qbil li jintlaħaq irid jirrispetta l-indipendenza, is-sovranità u l-intergrità territorjali tal-Ukrajna, madankollu jrid jiġi adottat approċċ pragmatiku li jinvolvi wkoll kompromess madwar il-mejda tan-negozjati b'involviment attiv kemm mill-Ukrajna, ir-Russja, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti," sostna l-prim ministru.

Intant, għal dan is-Summit attenda wkoll is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Maqgħuda António Guterres fejn miegħu ġiet diskussa s-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani fost oħrajn.

“Il-konsistenza gwidata mil-liġi internazzjonali hija kruċjali għall-waqfien mill-ġlied b'mod permanenti. B'rabta ma' Gaża, kif qed nagħmlu wkoll b'rabta mal-Ukrajna, Malta se tibqa' b'mod persistenti tadvoka għall-paċi," temm jgħid il-Prim Ministru Robert Abela.

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-prim ministru jappella għal aktar ħidma favur aċċess ġust u ekwu għall-prodotti essenzjali bħal mediċini fi ħdan is-Suq Waħdieni
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow