STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ U X-XOGĦOL
Laqgħa bejn il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri, il-Ministru Irlandiż għall-Ġustizzja, l-Affarijiet Interni u l-Migrazzjoni Jim O’Callaghan, u Hans Leijtens, id-Direttur Eżekuttiv ta’ Frontex
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri, iltaqa’ ma’ Jim O’Callaghan, il-Ministru Irlandiż għall-Ġustizzja, l-Affarijiet Interni u l-Migrazzjoni. Il-migrazzjoni kienet fiċ-ċentru tad-diskussjoni bejn iż-żewġ ministri, bil-Ministru Camilleri jenfasizza s-suċċess li kisbet Malta f’dawn l-aħħar snin fl-indirizzar tal-isfidi marbuta mal-migrazzjoni irregolari, u t-tnaqqis fir-rata ta’ kriminalità.
B’mod partikolari, il-Ministru Camilleri spjega kif l-isforzi ta’ Malta fl-immigrazzjoni irregolari wasslu għal tnaqqis ta’ 93% fin-numru ta’ wasliet irregolari rreġistrati fl-aħħar ħames snin. Huwa spjega kif fost l-aktar elementi li waslu għal dan it-tnaqqis kien li Malta implimentat politika ġusta u żiedet ir-ritorn ta’ dawk li ma jikkwalifikawx għall-ażil. Dan wassal għal fost l-ogħla rati ta’ ritorn fl-Unjoni Ewropea meta mqabbla mal-wasliet irregolari ta’ 83.2% fl-2023 u 68% fl-2024.
Il-Ministru O’Callaghan spjega r-realtajiet li qed taffaċċja l-Irlanda fir-rigward tal-migrazzjoni irregolari. Iż-żewġ Ministri iddiskutew l-importanza u ċertu sfidi marbuta mar-ritorn ta’ dawk li jkollhom talba għall-ażil miċħuda, filwaqt li qablu li jaħdmu flimkien fl-isfera Ewropea.
Iż-żewġ Ministri ddiskutew ukoll kwistjonijiet relatati mal-pulizija u r-rata ta’ kriminalità. Il-Ministru Camilleri irrefera għar-rapport akkademiku annwali magħruf bħala Crimemalta Observatory Report li kkonferma fil-pubblikazzjoni annwali tiegħu għall-2024 li Malta baqgħet pajjiż sigur u stabbli, bir-rata ta’ reati kriminali hija ta’ 30 reat għal kull elf persuna li tgħix fil-pajjiż u li dan jirrifletti tnaqqis meta mqabbel mas-sena 2023 u tnaqqis sostanzjali meta mqabbel mas-46 każ irrapportat għal kull elf persuna li Malta kienet tesperjenza fl-2004. Il-Ministru O’Callaghan irrimarka li l-Irlanda wkoll għandha rata ta’ kriminalità baxxa u x’passi ttieħdu li waslu għal dan is-suċċess. Il-Ministri ddiskutew ukoll l-użu ta’ electronic tagging u għodod ta’ intelliġenza artifiċjali biex jgħinu fl-investigazzjonijiet tal-pulizija, inkluż l-użu ta’ body cams.
Il-Ministru Camilleri ltaqa’ wkoll ma’ Hans Leijtens, id-Direttur Eżekuttiv ta’ Frontex. Matul il-laqgħa, il-Ministru saħaq fuq ir-rwol importanti tal-Frontex fil-protezzjoni tal-fruntieri esterni tal-UE u rringrazzja lill-aġenzija għall-appoġġ kontinwu li tagħti lil Malta.
Hans Leijtens enfasizza li l-Frontex tinsab lesta li tkompli tappoġġja lill-Istati Membri skont il-mandat tagħha, inkluż fl-oqsma kruċjali tar-ritorni, li huma pilastru essenzjali ta’ sistema ta’ migrazzjoni robusta, kredibbli u effiċjenti. Iż-żewġ naħat iddiskutew ukoll is-Sistema Ewropea Komuni ġdida għar-Ritorn u l-proposta għal regolament dwar ir-ritorn kif imnedija mill-Kummissjoni. Il-Ministru nnota li l-indikazzjonijiet preliminari juru li dan huwa pass fid-direzzjoni t-tajba, peress li l-bidliet proposti fil-maġġoranza huma konformi ma’ dak li ilha titlob Malta.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN