STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Jitnieda l-proġett Smart Gaze – komunikazzjoni bl-għajnejn għal persuni vulnerabbli
Il-proġett Smart Gaze se jkun qiegħed jgħin persuni vulnerabbli, fosthom dawk li jbatu mill-ALS jew paraliżi fl-ispina tad-dahar, sabiex jużaw mezzi teknoloġiċi bl-użu tal-għajnejn. Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret f'Dar Bjorn, f'Ħaż-Żebbuġ, mis-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti.
Il-proġett Smart Gaze, immexxi mill-Professur Inġ. Kenneth Camilleri, huwa wieħed minn fost numru ta' proġetti ta' riċerka li ġew iffinanzjati mis-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni. Permezz ta' teknoloġija ġdida bl-użu tal-Intelliġenza Artifiċjali (AI) u avvanzi fil-proċess senjaletiċi, dan il-proġett se jkompli jtejjeb it-teknoloġija bl-użu tal-għajnejn sabiex tkun aktar affidabbli, effiċjenti, u tnaqqas il-piż tal-maskra milbusa mill-utenti għal aktar kumdità.
Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti tkellem dwar kif it-teknoloġija qiegħda tkompli sservi sabiex tkun t'għajnuna għall-komunità. “Ir-riċerka rridu nużawha dejjem aktar sabiex mhux biss noħolqu idea innovattiva, iżda wkoll inkomplu ntejbu dak li għandna. Permezz t'hekk, inkunu qegħdin noffru servizz għal dawk kollha li jagħmlu użu mill-mezzi teknoloġiċi li jiġu kkreati," qal Azzopardi Tanti. Huwa kompla jispjega kif in-numru ta' proġetti fil-qasam tar-riċerka li ġew imħabbra u li se jkomplu jiġu mħabbra fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin, qegħdin joffru ħajja aħjar mhux biss lil min jagħmel użu dirett minnhom, iżda anki lill-familjari li jaqsmu l-isfidi mal-istess persuni.
“L-għan tagħna bħala Gvern huwa li ntaffu ftit mill-piż li n-nies qegħdin isofru, ħafna drabi fis-silenzju. Eżempju ta' dan huwa Bjorn li llum magħruf mill-Maltin u l-Għawdxin kollha, li qiegħed mhux biss jiġġieled il-battalja personali tiegħu kontra l-ALS, iżda wkoll qiegħed jistinka biex itejjeb il-ħajja ta' pazjenti oħra li jbatu mill-istess marda," qal is-Segretarju Parlamentari. Huwa għalaq billi qal li l-Gvern se jibqa' jservi ta' spalla għal min hu fil-bżonn, u ħeġġeġ aktar persuni li jaħdmu ma' nies vulnerabbli sabiex iressqu proposti li jwasslu għal titjib fil-ħajja tan-nies.
Min-naħa tiegħu, il-Professur Inġ. Kenneth Camilleri spjega kif dan il-proġett ser ikompli jiżviluppa teknoloġija li tippermetti lil persuna li tagħżel u tikkontrolla apparat sempliċiment billi tħares lejn dak l-apparat mingħajr il-bżonn ta' screen jew remote control. Huwa semma li b'dan il-mod wieħed ikun jista' jixgħel id-dawl ta' kamra, jikkontrolla t-televiżjoni, jagħlaq purtiera jew jiftaħ bieb, fost affarijiet oħra, sempliċiment billi jħares lejn dak l-apparat li jrid jikkontrolla.
“Għal nies b'mobilità ristretta, jew li saħansitra ma jistgħux jiċċaqalqu, dan il-proġett se jagħtihom aktar indipendenza. Dan il-proġett qed jippjana li prototip ta' din is-sistema tkun użata min-nies li jeħtiġuha u dawn jgħinu biex jidentifikaw sfidi fl-użu tas-sistema biex ir-riċerkaturi jiżviluppaw soluzzjonijiet ġodda li jegħlbu dawn l-isfidi sabiex din it-teknoloġija tissaħħaħ u ssir robusta biżżejjed biex tintuża minn kulħadd," temm jgħid il-Professur Inġ. Kenneth Camilleri.
Min-naħa tagħha, Maria Formosa, Segretarju Eżekuttiv tal-Fondazzjoni ALS Malta, faħħret dan il-proġett u semmiet kemm persuni bl-ALS ibatu anki sabiex jagħmlu affarijiet bażiċi. Hija spjegat li matul dawn l-għaxar snin mit-twaqqif tal-fondazzjoni, wara li l-fundatur tal-fondazzjoni Bjorn Formosa ġie djanjostikat li jbati mill-ALS, sar ħafna xogħol u għadu jsir sabiex jiżdied l-għarfien dwar din il-marda u jinstabu aktar soluzzjonijiet, b'mod partikolari permezz tal-avvanzi teknoloġiċi, li bihom tista' tiffaċilita l-ħajja ta' dawn in-nies. Hija rringrazzjat lill-Gvern u lill-pubbliku għas-sapport kontinwu li jagħtu lill-fondazzjoni ALS Malta.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN