STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U L-ANZJANITÀ ATTIVA Imnedija l-kampanja ‘Move to Improve’
Waqt attività fil-Park tal-Familja f'Ta' Qali, il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela nieda l-kampanja 'Move to Improve'. L-għan tal-kampanja hu li żżid l-għarfien dwar l-importanza tal-attività fiżika u biex aktar nies jinkludu l-attività fiżika fir-rutina tagħhom.
Il-Ministru Jo Etienne Abela spjega kif skont statistika tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO), persuni b'nuqqas t'attività fiżika fir-rutina tagħhom, għandhom bejn 20% u 30% aktar ċans ta' mard li jista' wkoll jikkawża mwiet f'età iżgħar meta kkumparat ma' dawk li jagħmlu attività fiżika kuljum.
Il-Ministru Abela tenna kif l-attività fiżika hu fattur ewlieni li jgħin biex tinżamm ħajja sana kif ukoll tgħin bħala prevenzjoni għal numru ta' mard kroniku. Huwa semma kif numru sostanzjali ta' adulti f'pajjiżna għandhom piż żejjed u kompla jispjega li prevalenza għolja tal-obeżità jista' jwassal għal ċertu mard bħal mard tas-sistema ċirkolatorja u neoplażmi, mard respiratorju u dijabete, u dan ikompli jenfasizza l-ħtieġa li nkomplu nippromwovu l-attività fiżika.
“L-għan ta' din il-kampanja hu li nżidu aktar għarfien u li nħeġġu aktar individwi ta' kull età jdaħħlu ħin għal attività fiżika fir-rutina tal-ġurnata tagħhom. Billi wieħed jagħmel mixja żgħira ta' kuljum jew jagħmel xi tip ta' eżerċizzju inkluż dak li ma jirrikjedi l-ebda tagħmir, ikun qed jintroduċi fir-rutina tiegħu attività fiżika li ser iħalli effett pożittiv fil-ħajja tiegħu," temm jgħid il-Ministru Abela.
Għal aktar informazzjoni żur: https://hpdp.gov.mt/hpu/physical_activity.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN