Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA U R-RIFORMA TAS-SETTUR TAL-KOSTRUZZJONI Regolamenti ġodda dwar is-Saħħa u s-Sigurtà f’siti ta’ kostruzzjoni

pr250342
Date Icon 27/02/2025

Introdott reġistru ta' persuni kompetenti bi standards ċari dwar ir-riskji u korrimenti

Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) Josianne Cutajar, ħabbru t-tnedija ta' sett ta' għodod leġislattivi ġodda li fost l-oħrajn jittrattaw regolamenti dwar il-kostruzzjoni u l-introduzzjoni ta' reġistru ta' persuni kompetenti.

“Dawn huma regolamenti mfassla biex jgħollu l-istandard tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema, jipprevjenu inċidenti relatati max-xogħol, u jiżguraw responsabbiltajiet ċari għal dawk kollha involuti fi proġetti ta' kostruzzjoni," beda biex jispjega l-Ministru Attard.

Huwa kompla li fost l-għanijiet ewlenin insibu l-introduzzjoni ta' project supervisors li jrid ikun imniżżel fil-lista ta' persuni kompetenti, l-obbligazzjoni li jkun appuntat project supervisor għall-proġetti kollha ta' kostruzzjoni li mhux domestiċi, liema proġetti ma jistgħux jinbdew mingħajr l-istess project supervisor u linji ċari ta' awtorità għal dawn il-project supervisors.

Il-Ministru kompla biex jgħid li l-Gvern huwa impenjat li jmexxi 'l quddiem kultura ta' aktar sigurtà u responsabbiltà fis-siti tal-kostruzzjoni. Qal ukoll li konxji li s-settur tal-kostruzzjoni minnu nnifsu fih għadd ta' riskji, iżda li hemm ir-rieda li dawn jittaffew permezz ta' leġiżlazzjoni effettiva, infurzar rigoruż, u edukazzjoni kontinwa.

“Dawn ir-regolamenti ġodda huma ħolqa minn katina ta' tibdil li dħalna b'impenn biex inwettqu f'dawn l-aħħar xhur. Proprju lbieraħ bħala Gvern ressaqna avviż biex fl-10 ta' Marzu ssir id-diskussjoni parlamentari li impenjajna ruħna li nwettqu biex nagħtu rendikont tal-ħidma tagħna fejn jidħlu rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta Jean Paul Sofia. Wettaqna ħafna però fadal ħafna aktar xi jsir biex inkomplu ngħollu l-istandards fis-settur tal-kostruzzjoni," temm il-Ministru Attard.

Min-naħa tagħha l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol Josianne Cutajar qalet li dawn ir-regolamenti l-ġodda huma pass kruċjali fl-isforzi kontinwi tal-Awtorità biex tkompli ttejjeb is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol fis-settur tal-kostruzzjoni.

“Billi niżguraw li jkun hemm project supervisors kompetenti u li jiġu segwiti standards ċari ta' sigurtà, nistgħu nnaqqsu b'mod sinifikanti r-riskju ta' inċidenti u korrimenti. Qed nintroduċu sistema aktar effettiva li mhux biss tipproteġi lill-ħaddiema, iżda wkoll toħloq industrija tal-kostruzzjoni aktar professjonali u responsabbli. Ir-reġistru ta' nies kompetenti se jiġi aġġornat ukoll biex jiġi żgurat l-ogħla livell ta' professjonalità," tenniet Dr Cutajar.

Il-karatteristiċi ewlenin tar-regolamenti l-ġodda jinkludu:

  • Project Supervisors Obbligatorji: Il-proġetti kollha ta' kostruzzjoni mhux domestiċi għandhom jaħtru project supervisors mir-reġistru ta' persuni kompetenti tal-OHSA.
  • Linji Ċari ta' Awtorità: Il-project supervisors għandhom linji ċari ta' awtorità u s-setgħa li jwaqqfu x-xogħol, jekk ikun meħtieġ, jekk ma jkunx hemm miżuri ta' saħħa u sigurtà fis-seħħ.
  • Evalwazzjonijiet tar-Riskji Aktar Ċari: Il-kuntratturi kollha u l-ħaddiema li jaħdmu għal rashom għandhom jipprovdu valutazzjonijiet tar-riskju bil-miktub.
  • Drittijiet u dmirijiet ġodda għall-kuntratturi u l-ħaddiema, fosthom li jridu jaderixxu mad-direzzjonijiet li jagħti l-project supervisor.
  • Penali Amministrattivi Ġodda: li jirriflettu l-obbligi tal-partijiet kollha.


Fl-istess waqt l-OHSA se tkompli twettaq spezzjonijiet regolari biex tiżgura l-konformità mar-regolamenti l-ġodda.

Il-Kap Eżekuttiv tat spjega dettaljata wkoll tar-reġistru ta' persuni kompetenti fis-saħħa u s-sigurtà. Dan ir-reġistru ser ikun stabbilit permezz ta' strument amministrattiv u ser jinkludi fost l-oħrajn r-rekwiżiti tal-eleġibilità, il-monitoraġġ u osservanza u l-proċess ta' applikazzjoni. Ir-Reġistru aġġornat tal-Persuni Kompetenti se jkun disponibbli fuq il-website tal-OHSA (www.ohsa.mt).

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA U R-RIFORMA TAS-SETTUR TAL-KOSTRUZZJONI Regolamenti ġodda dwar is-Saħħa u s-Sigurtà f’siti ta’ kostruzzjoni
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA U R-RIFORMA TAS-SETTUR TAL-KOSTRUZZJONI Regolamenti ġodda dwar is-Saħħa u s-Sigurtà f’siti ta’ kostruzzjoni
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA U R-RIFORMA TAS-SETTUR TAL-KOSTRUZZJONI Regolamenti ġodda dwar is-Saħħa u s-Sigurtà f’siti ta’ kostruzzjoni
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow