STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INDAFA PUBBLIKA Ikompli t-tisħiħ tas-sistema tad-distribuzzjoni
2 kilometri ta' cables ġodda taħt l-art f'Ta' Xbiex
Għaddejjin ix-xogħlijiet biex tkompli tissaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni f'Ta' Xbiex. F'din il-lokalità ser ikunu qegħdin jiżdiedu 2 kilometri ta' cables ġodda li permezz tagħhom ser tiżdied l-konnettività, ir-reżiljenza u l-flessibilità fis-sistema tad-distribuzzjoni.
Marbut ma' dan ir-rinfurzar ukoll ser isiru xogħlijiet f'substations fil-lokalità permezz ta' switchgear ġdid. Dan ix-xogħol ser iservi biex tkompli tikkonsolida ukoll il-prinċipju ta' reżiljenza aktar b'saħħitha f'każ li tinqala' xi ħsara, billi l-klijenti tal-Enemalta jkunu jistgħu jinqelbu fuq ċirkwiti oħra fl-inqas ħin possibbli f'każ ta' interruzzjoni.
Waqt żjara fuq ix-xogħlijiet, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Miriam Dalli qalet, “L-għan tagħna huwa li nkomplu nimmodernizzaw in-netwerk tal-enerġija u nkunu preparati għal kull eventwalità, filwaqt li nkomplu nrawmu effiċjenza u sostenibbiltà. Bħala Gvern impenjati li nkomplu nkabbru l-kapaċità tal-infrastruttura tal-enerġija u niżguraw servizz ta' kwalità u aktar affidabbiltà għall-familji u n-negozji. Il-benefiċċji ta' dan ix-xogħol ma jinħassx biss minn lokalità waħda fejn ikun qed isir ix-xogħol imma wkoll mil-lokalitajiet tal-madwar."
Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Enemalta Inġ. Ryan Fava spjega fid-dettall kif b'dawn ix-xogħlijiet ser ikunu qegħdin itejbu s-servizz tal-elettriku. Qal ukoll li għaddejjin xogħlijiet ta' tisħiħ f'lokalitajiet oħrajn fejn diġà tqegħdu 30 kilometru ta' cables ġodda taħt l-art f'bosta lokalitajiet.
Dan ix-xogħol, li qed isir b'kollaborazzjoni ma' Infrastructure Malta u Transport Malta, hu parti mill-impenn tal-Enemalta li tqiegħed 60 kilometru ta' cables ġodda taħt l-art f'21 lokalità madwar Malta u Għawdex. Bħalissa, għaddejjin ix-xogħlijiet fi 15-il lokalità differenti biex tiżdied il-konnettività fejn uħud minnhom diġà waslu fil-fażijiet finali ta' tlestija.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN