STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA U R-RIFORMA TAS-SETTUR TAL-KOSTRUZZJONI Imtellgħa l-ewwel edizzjoni tal-Premjazzjoni għall-Eċċellenza fil-Kostruzzjoni f’Malta
Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard indirizza l-ewwel edizzjoni tal-Excellence in Construction Awards, organizzata minn QP bħala Inizjattiva ta’ Responsabbiltà Soċjali Korporattiva.
Din kienet l-ewwel edizzjoni ta’ Premjazzjoni għall-Eċċellenza fil-Kostruzzjoni organizzata f’pajjiżna, inizjattiva li tirrikonoxxi l-aqwa prattiċi u professjonisti fis-settur.
“Il-premjijiet ta’ Eċċellenza fil-kostruzzjoni jirrappreżentaw impenn għar-rikonoxximent tal-kwalità, l-innovazzjoni, u s-sostenibbiltà. Din l-inizjattiva mhijiex sempliċiment ċerimonja ta’ premjazzjoni, iżda sservi ta’ pjattaforma għall-kollaborazzjoni u l-ispirazzjoni għall-ġenerazzjonijiet futuri,” beda biex jenfasizza l-Ministru Attard.
Huwa rrefera wkoll għad-diversi riformi li twettqu f’dawn l-aħħar xhur f’dan is-settur, b’enfasi fuq il-ħtieġa li din ir-riforma tkun waħda ħolistika li tibqa’ ġġib l-istakeholders flimkien għal għan wieħed – Standards ogħla fis-settur u aktar servizzi għaċ-ċittadin.
Fid-diskors tiegħu huwa ħabbar li fil-ġranet li ġejjin se jkun qiegħed jitwaqqaf reġistru ġdid għall-prattikanti kwalifikati fis-Saħħa u s-Sigurta, biex tkompli tissaħħaħ il-kompetenza u l-professjonalistà f’dan ir-rwol essenzjali. Huwa stieden lil dawk preżenti biex isegwu aktar dettalji li se jkunu qegħdin jitħabbru u semma kif dan ir-reġistru huwa l-pass li jmiss f’katina ta’ riformi li se jkompli jitħabbru fiż-żmien li ġej, inkluż fir-regolamenti dwar is-saħħa u s-sigurtà fis-siti tal-kostruzzjoni, bl-għan li jiġu mħarsa aħjar il-ħaddiema u tissaħħaħ il-kontabbiltà fost il-partijiet kollha involuti.
“Il-bidla qatt mhi faċli, speċjalment f’setturi bħall-Ġustizzja u l-kostruzzjoni. Iżda l-istorja tgħallimna li l-progress huwa mmexxi mhux minn dawk li jippretendu l-perfezzjoni u jinħbew wara l-kompjaċenza, iżda minn dawk li jqumu kull filgħodu, jaħdmu bla heda, u jieħdu deċiżjonijiet kuraġġużi għal soċjetà aħjar,” qal il-Ministru Attard. F’dan il-kuntest huwa appella biex jinżamm il-momentum ta’ riformi b’djalogu ffukat fuq iż-żieda fl-istandards u t-trawwim tar-responsabbiltà.
“Ir-Riformi sinifikanti huma proċess kontinwu, xprunat minn dawk li jagħrfu l-ħtiega ta’ bidla u jistinkaw għall-progress. Flimkien, nistgħu nrawmu industrija li teċċella fil-kwalità, tirrispetta lill-ħaddiema u tagħti valur lill-komunitajiet tagħha,” temm jgħid il-Ministru Attard.
Min-naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv u Chairman ta’ QP Ruben Xuereb tkellem dwar id-diversi tħejjijiet li ttellqu minn aktar minn sena ilu biex setgħet tittella’ din is-serata li ġabet flimkien grupp ta’ nies f’din l-inizjattiva li onorat kuntratturi għall-mod kif jaħdmu, jippreżentaw il-proġetti tagħhom, jużaw materjali sostenibbli u jdaħħlu wkoll l-innovazzjoni fl-industrija tal-kostruzzjoni.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Jonathan Attard ippreżenta l-premju Kuntrattur tas-Sena, li ġie valutat minn ġurija barranija u ntrebaħ minn Panta Malta. L-istess kumpanija ġiet ippremjata wkoll bil-Public Choice Award.
Il-kategoriji premjati kienu:
• Dedikazzjoni għas-Sostenibbiltà
• Kwalità u Sengħa
• Taħriġ u Żvilupp
• Impenn għall-Benesseri, is-Saħħa u s-Sigurtà
• Innovazzjoni, Riċerka u Żvilupp
• Eċċellenza fix-Xogħlijiet ta’ Demolizzjoni u Skavar
• Eċċellenza fl-Infrastruttura u Xogħlijiet Ċivili
• Eċċellenza fl-Installazzjonijiet Mekkaniċi u Elettriċi
• Eċċellenza fix-Xogħlijiet ta’ Rfinar
• Konservazzjoni fl-Industrija tal-Kostruzzjoni
• L-Aktar Kuntrattur Professjonali u Rispettuż
• Kuntrattur tas-Sena
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN