STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-ANZJANITÀ ATTIVA U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-GVERN LOKALI Proġett ta’ arti fiċ-Ċentri tal-Anzjanità Attiva
L-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, flimkien mal-Kunsill Reġjonali tan-Nofsinhar, ħabbru ftehim li se jsaħħaħ il-parteċipazzjoni tal-anzjani f'attivitajiet ta' arti u kreattività fiċ-Ċentri tal-Anzjanità Attiva f'diversi lokalitajiet fin-Nofsinhar ta' Malta.
Dan il-proġett se joffri opportunità ġdida lill-anzjani biex jitgħallmu ħiliet ġodda, jużaw it-talenti tagħhom, u jinteraġixxu ma' oħrajn f'ambjent pożittiv u inklussiv. Fl-istess ħin, il-proġett se jsaħħaħ l-impenn tal-Gvern li joffri aktar servizzi li jippromwovu l-attività soċjali u mentali tal-anzjani fil-komunitajiet tagħhom.
Il-programm ta' taħriġ se jibda f'Marzu 2025 u se jsir f'9 Ċentri tal-Anzjanità Attiva fiż-Żejtun, Birżebbuġa, Marsaskala, Santa Luċija, Ħal Luqa, Ħal Qormi, Santa Venera, il-Ħamrun u l-Marsa. Kull ċentru se jospita ħames sessjonijiet ta' madwar sagħtejn, għal total ta' 50 sessjoni li se jsiru matul il-programm. Fl-aħħar tal-programm, ix-xogħlijiet artistiċi li joħorġu minn dan il-proġett se jkunu esebiti f'esebizzjoni speċjali li se tagħti ċans lill-pubbliku japprezza t-talent u l-kreattività tal-anzjani.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, Malcolm Paul Agius Galea, saħaq li l-attivitajiet fiċ-Ċentri tal-Anzjanità Attiva għandhom ikunu mhux biss ta' benefiċċju fiżiku iżda wkoll kreattiv u emozzjonali. “Dan il-proġett juri kif qed inkomplu noħolqu ambjenti li jagħtu spazju lill-anzjani biex jesprimu ruħhom u jibqgħu attivi b'mod sħiħ. L-arti tibqa' mezz ta' terapija u ta' konnessjoni bejn il-ġenerazzjonijiet," tenna s-Segretarju Parlamentari.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, faħħret dan il-ftehim bejn l-Aġenzija tal-Anzjanità Attiva u l-Kunsill Reġjonali ta' Nofsinhar li permezz tiegħu l-anzjani se jkomplu jżommu ruħhom attivi u involuti fil-komunità. Hija spjegat li 12-il lokalità fi ħdan ir-Reġjun Nofsinhar se jibbenefikaw minn dan il-proġett. Minn dawn il-lokalitajiet, diġà hemm 9 Ċentri għall-Anzjanità Attiva, filwaqt li f'dawk fejn għad m'hemmx ċentru, se jkun provdut servizz ta' trasport mill-Kunsilli Lokali sabiex l-anzjani jkunu jistgħu jattendu għal dawn l-attivitajiet tal-arti.
Permezz ta' inizjattivi bħal dawn, qed niżguraw li l-anzjani jibqgħu attivi, jinteraġixxu u jgawdu minn kwalità ta' ħajja aħjar fil-komunità tagħhom. L-esebizzjoni finali se tkun xhieda tal-ħidma u t-talenti tagħhom, filwaqt li sservi wkoll ta' ispirazzjoni għal aktar proġetti simili fil-futur.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN