STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ARTIJIET U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI U MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI
Iffirmat ftehim mal-Università ta' Malta għat-trasferiment tal-G.F. Abela JuniorCollege u l-Gozo Campus
L-Awtorità tal-Artijiet iffirmat ftehim mal-Università ta' Malta għat-trasferiment tal-G.F. Abela Junior College u l-Gozo Campus f'Għawdex lill-Università. Dan sar bil-għan li jissaħħaħ l-operat u l-viżjoni strateġika tal-Università fil-qasam edukattiv u r-riċerka, filwaqt li jiżgura użu aħjar tal-binjiet pubbliċi.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi u mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima meta ppresedew l-iffirmar ta' dan il-ftehim.
Dwar dan il-ftehim il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi saħaq dwar l-importanza ta' din l-inizjattiva. “Dan il-ftehim jikkonferma l-impenn tal-Gvern biex jinvesti fil-proprjetajiet għall-edukazzjoni ta' pajjiżna. Permezz ta' dan it-trasferiment, l-Università ta' Malta se jkollha aktar riżorsi biex tkompli ttejjeb is-servizzi tagħha f'dawn iż-żewġ kulleġġi għall-istudenti u għall-komunità akkademika."
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi kompla jgħid li t-trasferiment ta' dawn iż-żewġ binjiet juri l-viżjoni ċara tal-Gvern, li permezz tal-Awtorità tal-Artijiet qed jassigura li aktar binjiet pubbliċi jiġu amministrati bl-aħjar mod possibbli għall-benefiċċju tal-komunità.
Il-Ministru Clifton Grima wkoll faħħar il-pass li sar permezz ta' dan il-ftehim. “Qed ninvestu fis-settur edukattiv mhux biss biex dejjem intejbu l-qagħda tal-letturi, tal-edukaturi u tal-istudenti tagħna, imma wkoll f'xogħol bħal dan, li jara li l-binjiet edukattivi jkunu jistgħu jiġu amministrati bl-aqwa mod u minnhom jittieħed l-akbar potenzjal possibbli, għall-ġid tas-settur kollu," qal il-Ministru Grima.
Min-naħa tiegħu, ir-Rettur tal-Università ta' Malta, Prof. Alfred J. Vella, esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal dan il-ftehim. Huwa enfasizza li dan it-trasferiment huwa importanti għall-missjoni tal-Università għaliex se jiffaċilita l-proċessi amministrattivi u s-servizzi offruti lill-istudenti u l-akkademiċi. “Permezz ta' dan il-ftehim qed nagħtu stabbiltà lill-Università biex nippjanaw aħjar il-futur tagħna."
Dan il-ftehim jsegwi inizjattivi oħra ta' kollaborazzjoni bejn l-Università ta' Malta u l-Awtorità tal-Artijiet, inkluż ftehim iffirmat is-sena li għaddiet dwar studju u analiżi ta' deċiżjonijiet tal-qrati fir-rigward tal-istess Awtorità.
Il-G.F. Abela Junior College nfetaħ fl-1995 bħala Istituzzjoni Edukattiva postsekondarja u minn dakinhar 'l hawn serva ta' pass importanti għal eluf ta' studenti li komplew l-istudji terzjarji tagħhom. Matul is-snin, il-kulleġġ evolva u sar parti integrali mill-Università ta' Malta, bil-għan li jkompli jsaħħaħ l-edukazzjoni postsekondarja f'Malta. Il-kampus tal-Università f'Għawdex ukoll għandu storja twila ta' servizz edukattiv, li jmur lura għas-snin disgħin, meta twaqqaf biex joffri opportunitajiet ta' tagħlim wara l-livell sekondarju lill-istudenti Għawdxin.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN