STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INDAFA PUBBLIKA Malta tkompli tipproteġi l-baħar permezz ta’ proġett ġdid ta’ konservazzjoni kofinanzjat minn fondi Ewropej
Pajjiżna se jibbenefika minn investiment ta' aktar minn €2 miljun
Waqt konferenza tal-aħbarijiet tħabbar proġett ġdid mill-Ministeru għall-Ambjent u l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), “Marine Conservation – An Inclusive Approach to Managing Marine Resources", li se jsir b'baġit totali ta' €2.01 miljun kofinanzjat minn fondi Ewropej. L-għan ta' dan il-proġett huwa ambjent marittimu aktar b'saħħtu, li se jibbenefikaw minnu l-familji, s-sajjieda u l-komunitajiet lokali.
Il-Ministru għall-Ambjent u l-Enerġija Miriam Dalli qalet, “Permezz ta' dan il-proġett, qed ninvestu kemm fl-ambjent kif ukoll fin-nies tagħna. Il-protezzjoni tal-ħabitats u speċi marittimi tfisser li qed nissalvagwardjaw l-għajxien ta' dawk li jiddependu mis-sajd u t-turiżmu, filwaqt li niżguraw li kulħadd ikun jista' jkompli jgawdi l-baħar tagħna għas-snin li ġejjin."
Hija kompliet tispjega li dan il-proġett għandu l-għan li jissalvagwardja l-wirt marittimu ta' Malta għall-ġenerazzjonijiet tal-lum u ta' għada; filwaqt li jwassal għal baħar aktar nadif, bijodiversità marittima aktar b'saħħitha, il-ħarsien tas-sajd, u avvanz sostenibbli favur l-ambjent naturali. Dan se jsir billi jiġu implimentati numru ta' miżuri bħala parti minn dan il-proġett bl-involviment tal-komunità.
Dan il-proġett huwa ffinanzjat taħt il-Fond Ewropew Marittimu, tas-Sajd u l-Akwakultura (EMFAF) ta' Malta 2021-2027. F'kollaborazzjoni mad-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura, Aquatic Resources Malta, Transport Malta, Ambjent Malta, BirdLife Malta, u Nature Trust Malta, dan il-proġett se jiffoka fuq ħames pilastri ewlenin:
- Jintlaħaq bilanċ bejn attivitajiet ekonomiċi u rikreattivi u ambjent marittimu aktar b'saħħtu.
- Jiġu riabilitati numru ta' ħabitats biex l-ispeċi marittimi jerġgħu jiffjorixxu.
- Ikun hemm l-involviment tas-sajjieda, in-negozji u l-komunitajiet lokali u partijiet interessati ewlenin oħra fl-implimentazzjoni tal-miżuri ta' konservazzjoni.
- Capacity building biex l-awtoritajiet u ċ-ċittadini jkollhom l-għarfien u r-riżorsi neċessarji biex jipproteġu ż-żoni marittimi b'mod effettiv.
- Jiżdied l-għarfien dwar prattiċi responsabbli u tiġi mrawma kultura ta' immaniġġjar aktar sostenibbli tal-ibħra Maltin.
Min-naħa tiegħu, Kevin Mercieca, Kap Eżekuttiv tal-ERA qal “Permezz ta' dan il-proġett qed niffukkaw fuq il-futur tal-ambjent marittimu tagħna, f'konformità mal-miri tal-ERA li tipproteġi l-ambjent għal kwalità ta' ħajja aktar sostenibbli. L-implimentazzjoni ta' din l-inizjattiva se tkun ibbażata fuq l-użu responsabbli u sostenibbli li jwassal biex il-ħtiġijiet tas-soċjetà u tal-ambjent ikunu f'bilanċ."
Għal aktar informazzjoni dwar dan il-proġett żur is-sit https://era.org.mt/projects/emfaf/
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN