Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Jingħata bidu għall-Malta School Games

pr250274
Date Icon 19/02/2025

Wegħda tal-Manifest Elettorali 'Malta Flimkien' illum kompliet titwettaq meta l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, flimkien mas-Segretarju Permanenti Prinċipali Tony Sultana u s-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru Matthew Vella, taw bidu għal logħob sportiv bejn l-iskejjel, il-Malta School Games.

Fil-Manifest kien ġie mwiegħed li l-Gvern se jsaħħaħ il-logħob bejn l-iskejjel, u li jittejbu l-benesseri tal-istudenti permezz ta' attivitajiet sportivi strutturati u kompetizzjonijiet. Miżura mmirata għall-benesseri tal-istudenti biex dawn jitrawmu minn età bikrija fl-attività fiżika u l-isport. Din il-miżura kienet ukoll imsaħħa permezz tal-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni 2024–2030 li għandha bażi soda mibnija fuq il-benesseri tal-persuna u tenfasizza żieda fil-ħin u l-kwalità tal-attività fiżika fl-edukazzjoni obbligatorja.

Bħalissa hemm ħames kulleġġi b'aktar minn ħames mitt klassi fi proġett pilota biex jiżdied il-ħin li l-istudenti jagħmlu f'attivitajiet fiżiċi – filwaqt li sa sentejn oħra l-programm se jkun f'kull kulleġġ. Dan il-proġett biex issir sessjoni ta' attività fiżika kuljum kien beda fis-sena skolastika 2022–2023, bil-għan li pajjiżna jimxi lejn mudell li permezz tiegħu t-tfal jitrawmu minn età bikrija biex ikunu attivi f'ħajjithom.

Il-logħob li kienu inawgurati llum jallinjaw mal-Istrateġija Nazzjonali għaliex jippromwovu l-inklużjoni, il-ħidma f'tim u l-iżvilupp kontinwu.

Fiċ-ċerimonja li saret illum, studenti rappreżentanti mill-iskejjel li qed jipparteċipaw ingħataw il-fjamma tal-logħob mill-Ministru Clifton Grima, u wara, flimkien mas-Segretarju Permanenti Prinċipali Tony Sultana u s-Segretarju Permamenti Matthew Vella mxew mat-tfal sal-Furjana fejn kienu qed jistennewhom aktar studenti li qed jipparteċipaw fil-logħob.

“Din il-fjamma li se tagħti bidu uffiċjali għal dawn il-logħob għandha sinifikat, għaliex hija simbolu ta' tama, għaqda u perseveranza, li jirriflettu l-valuri Olimpiċi: Eċċellenza, Rispett u Ħbiberija. Għalhekk dan l-avveniment huwa wieħed ukoll li jinkoraġġixxi l-kburija nazzjonali u għandu jispira lilkom, atleti żgħażagħ biex ma tiqfux toħolmu ħalli tilħqu l-aspirazzjonijiet futuri tagħkom," qal il-Ministru Grima.

Huwa spjega wkoll it-twettiq ta' miżuri u oħrajn li qed isir xogħol fuqhom imħabbra fil-Manifest, fosthom programm ta' monitoraġġ tal-fitness bħala proġett pilota b'kollaborazzjoni ma' Fitback Europe kif ukoll kollaborazzjoni msaħħa ma' kowċis minn dixxiplini differenti biex jippromwovu l-isport fl-iskejjel.

Il-programm tal-logħob jipprovdi aktar minn 2500 student minn 28 skola f'Malta u Għawdex l-opportunità li jipparteċipaw f'sport kompetittiv u strutturat f'dixxiplini sportivi differenti inkluż Atletika, Għawm, Basketball, Futbol, Netball u Rugby. F'dawn il-logħob hemm il-parteċipazzjoni ta' studenti mill-Primarja u s-Sekondarja mill-iskejjel tal-Istat, Indipendenti u tal-Knisja.

Il-Ministru Grima rringrazzja lil Sport Malta, l-iskejjel parteċipanti, u l-partijiet kollha involuti fl-organizzazzjoni ta' dawn il-logħob, filwaqt li rrikonoxxa l-isforzi kollettivi ta' diversi assoċjazzjonijiet sportivi, federazzjonijiet u skejjel li qed jaħdmu lejn għan komuni li jwassal biex l-isport u l-attività fiżika jkunu viċin aktar tal-persuna, u biex tikber il-parteċipazzjoni tal-istudenti f'attivitajiet fiżiċi u sport.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Jingħata bidu għall-Malta School Games
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Jingħata bidu għall-Malta School Games
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Jingħata bidu għall-Malta School Games
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow