STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAX-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Spazju miftuħ ġdid fuq il-ġibjun tal-Imqabba
Proġett li ser jikkonsisti fit-tħawwil ta' għexieren ta' siġar ġodda, 20 parkeġġ ġdid u mgħammar b'sistemi sostenibbli
Fl-Imqabba, fuq ġibjun ta' madwar 1,000 metru kwadru u li bħalissa m'għandu l-ebda użu, is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi, Omar Farrugia, ħabbar li ser jinbidel fi spazju miftuħ.
Il-ġibjun, li għal snin twal kien jintuża biss biex jilqa' l-ilma tax-xita, ser jissaqqaf biex ikun mibdul f'pulmun aħdar għal-lokalità tal-Imqabba u lokalitajiet ġirien. Kien spjegat li l-ewwel fażi tal-proġett ser tkun tikkonsisti f'xogħlijiet ta' manutenzjoni fil-ġibjun. Dawn ix-xogħlijiet ser ifissru li l-ilma tax-xita jkun jista' jinġabar fih u filwaqt li jintuża għat-tisqija tas-siġar, pjanti u arbuxelli mħawla fil-ġnien, ser ikun qiegħed ikompli jtaffi mill-problema tal-għargħar f'din iż-żona tal-lokalità.
Is-Segretarju Parlamentari Omar Farrugia saħaq li l-ħolma ta' kull familja Mqabbija ser issir realtà bi proġett tanġibbli li ser jolqot eluf ta' tfal, żgħażagħ u anzjani residenti. “Dan il-proġett, li ser ikun qiegħed jittrasforma ż-żona tal-ġibjun minn kif nafuha llum għal spazju li joffri t-trankwillità, ser ifisser investiment fil-kwalità tal-ħajja tal-familji kif ukoll ikompli jibni fuq ix-xogħol li qiegħed isir biex in-Nofsinhar ta' Malta jkollha arja iktar nadifa," temm jgħid is-segretarju parlamentari.
Min-naħa tagħha, Grace Marie Zerafa, is-Sindku tal-Imqabba, esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għal dan l-ispazju miftuħ ġdid. “Jidher biċ-ċar l-impenn sħiħ tal-gvern favur aktar proġetti ambjentali u għaldaqstant nirringrazzja lid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi għal dan il-proġett li ser ikun qed jagħti lir-residenti Mqabbin wieħed mill-aqwa proġetti li qatt saru fil-lokal," ikkonkludiet is-sindku.
Il-proġett, li ser jitwettaq b'investiment ta' madwar €700,000, ser jikkonsisti f'soft landscaping, bankijiet ġodda li huma maħsubin biex jipprovdu spazju kalm li jsaħħaħ il-kuntest soċjali u kulturali lokali kemm matul il-ġurnata kif ukoll filgħaxija, jindirizza l-inkonvenjent tan-nuqqas ta' parkeġġi b'20 parkeġġ ġdid u sistema sostenibbli ta' pannelli fotovoltajiċi u sistema tas-sigurtà.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN