STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U D-DRITTIJIET TAT-TFAL Ftehim soċjali ieħor mal-Fondazzjoni Jean Antide
Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal estenda l-ftehim illi għandu mal-Fondazzjoni Jean Antide. Din il-Fondazzjoni tgħin mill-qrib familji li jiffaċċjaw sfidi finanzjarji kumplessi.
Il-Ministeru se jkun qed jerġa' jiffinanzja s-servizzi mogħtija mill-Fondazzjoni Jean Antide, b'finanzjament ta' €411,060, żieda ta' €176,000 fuq il-ftehim preċedenti. Din iż-żieda fl-investiment se twassal għal żieda fis-sigħat ta' sapport offrut mill-professjonisti soċjali tal-istess Fondazzjoni, tant li permezz ta' dan il-ftehim mistennija jipprovdu aktar minn 8,000 siegħa ta' terapija.
Dawn id-dettalji tħabbru waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru Michael Falzon, fejn faħħar il-ħidma li jwettqu NGOs bħal Fondazzjoni Jean Antide fil-komunità.
Il-Ministru Michael Falzon qal li fl-aħħar xhur din il-Fondazzjoni għenet 617-il familja u kważi 2,000 individwu sabiex jerġgħu jgħinuhom iqumu fuq saqajhom. Ħafna drabi dawn jinkludu każijiet kumplessi li jinkludu każijiet ta' saħħa mentali, trawma u nuqqas ta' sapport minn familjari, fost oħrajn. “Il-Gvern jemmen fil-ġustizzja soċjali, u fejn kulħadd ikollu ċ-ċans jimxi 'l quddiem u jkollu aċċess ugwali għall-opportunitajiet. Dan il-Gvern jemmen ukoll f'investiment kontinwu fis-soċjetà speċjalment f'dik il-faxxa l-aktar vulnerabbli," temm jgħid il-Ministru Michael Falzon.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN