STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAS-SAJD, L-AKWAKULTURA U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI Malta tikseb riżultati pożittivi fis-settur tas-sajd fl-Environmental Performance Index tal-2024
Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said laqgħet il-klassifikazzjoni pożittiva li kisbet Malta fis-settur tas-sajd fl-Environmental Performance Index (EPI) 2024, fejn ġiet ikklassifikata fit-tieni post mill-pajjiżi kollha tal-Punent Globali.
“Dan ir-riżultat juri l-progress li qed isir f'diversi oqsma ambjentali speċjalment fejn tidħol is-sostenibbiltà tas-sajd. Dan l-indikatur internazzjonali janalizza l-prestazzjoni tal-pajjiżi f'oqsma relatati mas-saħħa ambjentali, il-bijodiversità, il-klima u s-sajd, u permezz ta' dan ir-riżultat qed nuru kif Malta qed tkompli ttejjeb l-impenji tagħha favur l-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli," sostniet is-Segretarju Parlamentari.
Hija saħqet li dan ir-riżultat huwa xhieda tal-ħidma tal-Gvern fis-settur tas-sajd, fejn l-immaniġġjar sostenibbli tas-sajd u l-konservazzjoni tal-istokkijiet tal-ħut qed iħallu riżultati pożittivi permezz ta' miżuri effettivi.
“Malta qed tkompli tavvanza u ttejjeb il-prestazzjoni tagħha f'diversi oqsma ambjentali, u dawn ir-riżultati huma konferma tal-isforzi tagħna biex inkomplu nipproteġu l-ibħra tagħna, inħarsu l-bijodiversità u nagħmlu l-ekonomija tagħna aktar sostenibbli. Il-Gvern kommess li jkompli bil-ħidma biex isaħħaħ dawn ir-riżultati. Is-sajd u l-akwakultura huma setturi kruċjali għall-ekosistema marittima u għall-komunitajiet kostali tagħna, u l-progress li qed nagħmlu juri l-importanza ta' politika mmirata li tgħaqqad is-sostenibbiltà mal-iżvilupp ekonomiku," tenniet is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN