STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAŻ-ŻGĦAŻAĠĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI 15-il sena ta’ kreattività: Aġenzija Żgħażagħ tiċċelebra l-impatt tal-programmi tagħha fuq is-settur artistiku
F'konferenza tal-aħbarijiet ġewwa l-MICAS, l-ewwel mużew għall-arti kontemporanja f'Malta, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti, saħaq fuq l-importanza li l-kreattività u l-arti jibqgħu fil-qalba tal-iżvilupp taż-żgħażagħ f'pajjiżna. Dan hekk kif Aġenzija Żgħażagħ qed tiċċelebra 15-il sena ta' programmi kreattivi, li sawru ġenerazzjoni ġdida ta' artisti, mużiċisti, kittieba, film-makers u attivisti.
Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti qal, “Il-kreattività mhix biss għodda espressiva, iżda s-sinsla ta' soċjetà li timxi 'l quddiem. F'dawn il-15-il sena, Aġenzija Żgħażagħ bniet spazji fejn il-kreattività tista' tiffjorixxi, u llum nistgħu naraw kif dawn iż-żgħażagħ qed jiffurmaw mhux biss ix-xena kulturali tagħna, iżda huma s-sinsla tas-soċjetà tagħna."
L-inizjattivi kreattivi li ġew imnedija tul dawn is-snin kienu ta' impatt sinifikanti fuq il-komunità kreattiva lokali, b'kollaborazzjonijiet ma' Arts Council Malta, Pjazza Teatru Rjal, Spazju Kreattiv, il-Kummissjoni Maltija tal-Films, il-Malta Film Foundation, u l-Iskola tal-Arti. Dawn il-programmi offrew opportunitajiet għal żgħażagħ kreattivi biex jiżviluppaw il-vuċi artistika tagħhom, jikkollaboraw ma' professjonisti tas-settur, u jkomplu jibnu ekosistema kreattiva robusta. Barra minn hekk, dawn l-inizjattivi servew ta' spazju essenzjali fejn il-kreattività tista' tiffjorixxi mhux biss bħala passjoni, iżda wkoll bħala karriera vijabbli.
Min-naħa tagħha, Miriam Teuma, Kap Eżekuttiv ta' Aġenzija Żgħażagħ, spjegat, “Aħna nemmnu li ż-żgħażagħ għandhom ikollhom il-libertà li jesprimu ruħhom u l-għodda biex jibnu futur kreattiv u sostenibbli. Dawn il-programmi mhux biss għenu fl-iżvilupp ta' ħiliet artistiċi iżda wkoll fis-sens ta' appartenenza u empowerment."
Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti temm jgħid, “Meta ninvestu fil-kreattività taż-żgħażagħ, mhux biss qed insaħħu l-kultura—qed nibnu Malta li kapaċi toħlom, toħloq, u tikkompeti fuq livell globali. Għalhekk, inkomplu naħdmu biex il-programmi kreattivi ta' Aġenzija Żgħażagħ ikunu aktar aċċessibbli u inklużivi għal kull min jixtieq jifforma parti minn dan il-vjaġġ artistiku."
Dan l-anniversarju mhux biss ċelebrazzjoni ta' dak li diġà nkiseb, iżda wkoll impenn lejn il-futur fejn il-kreattività tibqa' mutur ewlieni tal-iżvilupp personali u kulturali taż-żgħażagħ f'Malta.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN