STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER “Malta tibqa’ xemgħa ta’ tama għal dawk li jfittxu għajnuna” – L-Ispeaker Anġlu Farrugia
Illum, l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati nieda, għall-ħames sena konsekuttiva, il-kampanja nazzjonali dwar il-mard rari, immexxija mill-Alleanza Nazzjonali dwar il-Mard Rari. Fid-diskors tiegħu, l-Ispeaker iddeskriva dan il-mument bħala ġurnata ta' “riflessjoni, għaqda u tama," li tagħti rikonoxximent lill-ħidma u d-dedikazzjoni bla waqfien ta' dawk li jaħdmu għal din il-kawża nobbli.
Fid-diskors tiegħu, l-Ispeaker faħħar lill-Alleanza għall-kisbiet tagħha, fosthom is-screening neonatali, ir-Reġistru Nazzjonali tal-Mard Rari, u s-sħubijiet internazzjonali li fetħu bibien ġodda ta' għarfien u riżorsi. Huwa saħaq li dawn l-inizjattivi mhumiex biss għodod prattiċi, iżda huma wkoll riflessjoni ta' pajjiż li jagħti importanza lid-dinjità u l-umanità.
L-Ispeaker Anġlu Farrugia temm billi appella għal iktar għaqda u kollaborazzjoni biex kull pass li jsir ikun pass lejn futur mimli tama. “Nagħlaq billi nfakkar li kull azzjoni tagħna trid tirrifletti l-aqwa valuri ta' soċjetà ġusta: solidarjetà, għaqal, u rispett għad-dinjità umana," qal l-Ispeaker, filwaqt li rringrazzja lill-Alleanza Nazzjonali dwar il-Mard Rari għall-impenn eżemplari tagħha.
Il-konferenza kienet indirzzata wkoll mill-fundatriċi u President tan-National Alliance for Rare Diseases Support – Malta, is-Sinjura Michelle Muscat, il-Prof. Alex Felice, Ian Vassallo, Kelliemi Ewlieni għall-Kura Primarja u s-Saħħa Mentali, u l-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela. Preżenti wkoll għall-konferenza kien hemm il-Ministru tal-Familja u Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon u l-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN