STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ U X-XOGĦOL Il-Malta Labour Migration Policy tagħti direzzjoni b’saħħitha u deċiżiva - il-General Workers’ Union
Aktar laqgħat dwar il-politika għall-konsultazzjoni pubblika li ser tibdel il-mod kif jiġu ħaddiema minn pajjiżi terzi f'Malta
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri kompla b'aktar laqgħat ma' msieħba soċjali dwar il-Malta Labour Migration Policy, din id-darba mal-General Workers' Union, li mhux biss laqgħu b'sodisfazzjon id-dokument għall-konsultazzjoni pubblika, iżda ddeskrivewh bħala wieħed li qed jagħti direzzjoni sinifikanti, b'saħħitha u deċiżiva biex jiġi kkontrollat l-abbuż li jsir fuq ħaddiema barranin li jaffettwa lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin.
Fil-fatt, is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers' Union Josef Bugeja qal li hija in linja ma' dak li bħala unjin dejjem tkellmu favurih, li s-suq ma joffrix biss xogħol, imma impjiegi ta' kwalità. “Bħala General Workers' Union dejjem ippromovejna kwalità fl-impjiegi u li noħolqu karrieri, din il-politika bi 32 rakkommandazzjoni li dwarhom qegħdin anke nikkonsultaw internament, qed nagħtu futur lil dawn il-ħaddiema imma fejn hemm il-ħtieġa biss. Dan billi jiġu ssalvagwardjati u msaħħa d-drittijiet tal-ħaddiema kollha, anke dawk tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin, fosthom b'garanzija ta' dħul diċenti u aktar kontroll f'idejn l-awtoritajiet."
Matul il-laqgħa ta' konsultazzjoni, ġew diskussi l-prinċipji ta' din il-politika li tpoġġi l-ewwel lill-ħaddiem, li dwarhom hawn qbil ġenerali, li abbażi tagħhom il-Gvern ser ikun qiegħed jimplimenta din il-politika għaliex jiddeċiedi fejn meħtieġ għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi.
Il-Ministru Byron Camilleri, fi sfond ta' pajjiż li fl-aħħar għaxar snin għamel suċċessi kbar, bi tkabbir ekonomiku li minnu jgawdi kulħadd anke għaliex daħlu aktar Maltin fis-suq tax-xogħol b'mod partikolari nisa, sostna li l-Gvern irid jassigura li l-ekonomija taħdem għan-nies u mhux in-nies jaħdmu għall-ekonomija.
“Għalhekk bħala Gvern qegħdin nipproponu din il-bidla. Il-kelma bidla ma nibżgħux minnha. La s-soċjetà tinbidel, ir-realtajiet jinbidlu, u l-Gvern irid jindirrizza dan kollu. Il-pożittiv li hawn qegħdin nitkellmu fuq il-konsegwenzi tas-suċċess. Pajjiżna llum qiegħed jitkellem mhux dwar kif l-eluf ser isibu xogħol imma min iħaddem qed jitkellem dwar kif għandu bżonn aktar ħaddiema. Għalhekk, irridu nassiguraw li ma jkunx hemm suq tax-xogħol li jkun abbużat bil-konsegwenzi tiegħu u nirriskjaw li tkun imminata l-kwalità tal-ħajja f'pajjiżna", stqarr il-Ministru Camilleri.
Huwa kkonkluda li għalhekk il-Gvern ressaq din il-politika għall-konsultazzjoni għax irid li mhux biss tħares lejn proċessi rigorużi u serji li jħallu suq tax-xogħol b'saħħtu, imma li tikkunsidra wkoll l-impatt fuq l-infrastruttura tal-pajjiż kollha kemm hi.
Din il-laqgħa ta' konsultazzjoni ngħaqdet ma' diversi oħrajn li l-Ministru Camilleri kellu ma' diversi stakeholders. Din il-konsultazzjoni li ser tkompli sad-9 ta' Frar biex il-Gvern ikollu politika b'saħħitha li tkun imsejsa wkoll fuq x'jaħsbu n-nies, li qegħdin jgħidu tagħhom fuq publicconsultation.gov.mt.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN