STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAS-SAJD, L-AKWAKULTURA U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI Ġiet imtella’ konferenza li elenkat il-ħidma li saret u tħabbru l-miżuri li se jiġu implimentati fis-setturi tas-sajd u l-ħarsien tal-annimali
F’konferenza li ttellgħet illum, ingħata rendikont tal-ħidma li twettqet matul is-sena li għaddiet mid-diversi Dipartimenti u Aġenziji governattivi fis-setturi tas-sajd, l-akwakultura u d-drittijiet tal-annimali. Waqt l-istess konferenza tħabbru wkoll numru ta’ miżuri li se jidħlu fis-seħħ favur is-sajjieda lokali u favur il-ħarsien tal-annimali.
Fl-indirizz tagħha, is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, faħħret ix-xogħol li twettaq mill-ħaddiema f’dawn is-setturi u qalet, “Is-sena li għaddiet kienet waħda impenjattiva fejn ġew imwettqa numru ta’ inizjattivi innovattivi u strateġiċi li għamlu differenza sinifikanti fil-qasam tal-ħarsien tal-annimali kif ukoll fil-qasam tas-sajd.”
Ġie spjegat li fost id-diversi skemi li nħarġu s-sena li għaddiet kien hemm l-iskema ‘Adopt a Pet Allowance’ li għenet biex 260 kelb u 130 qattus ġew adottati fl-2024. Skema ta’ għajnuna oħra kienet dik għal min jitma’ l-qtates fejn ġew reġistrati aktar minn 2,200 persuna li jitimgħu ’l fuq minn 36,000 qattus stray.
Matul din is-sena se jerġa’ jinħareġ l-Animal Welfare Fund li jipprovdi għajnuna finanzjarja lil santwarji u għaqdiet volontarji li jieħdu ħsieb l-annimali, għal servizzi essenzjali bħal taħriġ, kura veterinarja, u aktar. Se tkompli wkoll il-kampanja ta’ neutering b’xejn fejn diġà ġew imsewwija iżjed minn 3,500 qattus. Se tkun qed tinħareġ ukoll skema b’għotja ta’ €10,000 lil kull santwarju tal-annimali eliġibbli għal manutenzjoni fis-santwarji.
Ġie spjegat kif fil-qasam tas-sajd u l-akwakultura, twettqu u qed ikomplu jitwettqu diversi inizjattivi bħall-installazzjoni ta’ service pillars ġodda fejn is-sena li għaddiet ġew installati sitt service pillars ġodda, kif ukoll għaddejja ħidma biex tinbena binja ġdida fil-Marsa għad-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura li qed issir b’investiment ta’ €5 miljun.
Ġew elenkati diversi skemi li kienu ta’ għajnuna għas-sajjieda lokali, fosthom skema li setgħu jibbenefikaw minna madwar 180 sajjied li għandhom dgħajsa tal-injam tradizzjonali, kif ukoll skema li setgħu jibbenefikaw minna madwar 620 sajjied biex tinċentiva sidien tal-bastimenti biex jinvestu f’tagħmir tas-sajd meqjus sostenibbli. Issemmiet ukoll l-iskema li ilha tinħareġ mill-2022 sabiex ittaffi l-impatt minħabba ż-żieda tal-prezz tal-fuel, li bbenefikaw minnha madwar 250 sajjied b’għajnuna finanzjarja ta’ madwar €1.5 miljun.
Ġie spjegat ukoll kif l-aġenzija Aquatic Resources Malta skattat xogħlijiet importanti fil-qasam tal-akwakultura fosthom tlestew il-faċilitajiet sabiex beda l-ewwel proġett ta’ riċerka fl-akwakultura li qed jiffoka fuq tfaqqis u tkabbir tar-rizzi. Ġiet installata wkoll pompa ġdida tal-ilma baħar li hi kruċjali għat-twettiq ta’ diversi proġetti ta’ riċerka.
Min-naħa tal-Malta Food Agency għaddejja ħidma biex tintroduċi sistema diġitali ġdida fil-Pixkerija li tkompli twassal għal aktar trasparenza fil-kummerċ tal-ħut, filwaqt li tiżgura l-ogħla livelli ta’ iġjene u operat effiċjenti. Sar progress importanti fl-esportazzjoni tat-tonn Malti lejn iċ-Ċina, u din is-sena se jiġu esplorati swieq internazzjonali ġodda biex jinħolqu aktar opportunitajiet għas-sajjieda.
Il-Malta Food Agency qed taħdem ukoll fuq il-proġett tal-Food Innovation Hub li qed isir b’investiment ta’ madwar €10 miljun, bil-għan li joħolqu prodotti ġodda u jużaw speċi ta’ ħut li ma jiġux użati biżżejjed. Barra minn hekk, qed tinħoloq ukoll pjattaforma diġitali għall-konsumaturi dwar il-ħut frisk li se tinkludi wkoll informazzjoni bħal nutrizzjoni u riċetti.
Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said irringrazzjat lill-ħaddiema kollha għax-xogħol li jwettqu u temmet li tħares ’il quddiem sabiex matul din is-sena jkomplu jwettqu aktar inizjattivi u jkomplu l-ħidma fuq diversi proġetti favur dawn l-oqsma.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN