STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ U X-XOGĦOL Aktar tisħiħ fil-kundizzjonijiet tal-ħaddiema fil-Korpi Dixxiplinati
Ħlas mhux taxxabbli fl-ekwivalenti ta' sitt xhur paga fis-sena, għal 4 snin, għall-ħaddiema fil-Korpi Dixxiplinati
Il-ħaddiema tal-Korpi Dixxiplinati qegħdin jerġgħu jiġu rikonoxxuti mill-gvern, għall-ħidma importanti li jwettqu fis-setturi tas-sigurtà u ż-żamma tal-ordni f'pajjiżna.
Dan b'emendi legali li permezz tagħhom kull ħaddiem ta' kull Korp Dixxiplinat li jkun ħadem 29 sena ta' servizz, ser igawdi minn ħlas mhux taxxabbli, ekwivalenti ta' sitt xhur paga, f'għeluq kull sena, għal erba' snin fuq id-29 sena. Dan ifisser, li f'dawn l-erba' snin ser ikun irċieva ħlas ekwivalenti ta' sentejn paga, li huwa kkalkulat fuq is-salarju bażiku tal-grad li fih ikun iservi. Dan jista' jagħmlu b'għażla, hekk kif il-ħaddiem jista' jagħżel ukoll li jieħu dan il-pagament f'għeluq l-erba' snin addizzjonali fuq id-29 sena ta' servizz.
Dan b'konsultazzjoni u qbil mal-unions li jirrappreżentaw lil dawn il-ħaddiema, li laqgħu b'mod pożittiv il-fatt li għal darb'oħra l-gvern qiegħed isaħħaħ il-kundizzjonijiet tagħhom. Min-naħa tagħha, il-GWU – Police Officer's Union laqgħet b'mod pożittiv ħafna l-avviż legali ppubblikat u li jġib ukoll fis-seħħ l-impenn tal-Budget li jsaħħaħ iżjed l-inċentivi għal dawk li jibqgħu fil-Korp tal-Pulizija wara l-25 sena servizz. Huma sostnew li kien diġà tajjeb li ddaħħal inċentiv b'saħħtu għal dawk li jagħmlu sa 29 sena servizz, iżda li issa wieħed fuq għażla personali jista' jibda jibbenefika mill-istess inċentiv iktar qabel, hi xi ħaġa pożittiva. Il-Malta Police Union ukoll laqgħet ir-riżultat li wasslu għalih id-diskussjonijiet mal-unions u li l-vuċi ta' dawn il-ħaddiema mhux biss għal darb'oħra ngħatat widen, iżda ttieħdet ukoll azzjoni.
Biż-żewġ unions irringrazzjaw lill-gvern għad-djalogu miftuħ li żamm magħhom u li ser jibqgħu jappoġġjaw inizjattivi li jieħdu ħsieb il-ħaddiema f'settur tant importanti, dak tas-sigurtà.
Fil-fatt, dan it-tisħiħ fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema fil-korpi dixxiplinati jingħaqad mat-titjib li kien sar fl-aħħar xhur fil-pensjoni tas-servizz. Dan hekk kif issa qed titħaddem sistema ta' pensjoni ta' servizz miżjuda bi 23% għal dawk il-ħaddiema li jkunu rtiraw wara 29 sena ta' servizz. Ukoll, beda jitħaddem il-qafas legali li bih kull ħaddiem li jkun wettaq servizz meritevoli u jkun kompla jservi fuq il-25 sena ta' servizz, ikollu pensjoni tas-servizz assigurata, flimkien ukoll mat-tħaddim ta' pensjoni tas-servizz għal romol ta' ħaddiema fil-korpi dixxiplinati.
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri qal li t-track record ta' dan il-gvern juri b'dak li implimenta, li jżomm il-ħaddiem l-ewwel u li mhux biss jippremja l-bżulija iżda jirrikonoxxi l-ħidma imprezzabbli li jwettqu l-korpi dixxiplinati. Tenna li investiment f'dawn il-ħaddiema huwa wkoll investiment fil-familji Maltin u Għawdxin hekk kif dan kollu dejjem iwassal għal servizz aqwa, anke għaliex dan qed iwassal biex ħaddiema tal-Korpi li jibqgħu għal iżjed żmien iservu, jgħaddu dak li jafu lill-ħaddiema ġodda filwaqt li jużaw l-esperjenza tagħhom biex iservu aqwa.
Il-Ministru Byron Camilleri temm billi qal li issa jħares 'il quddiem biex fiż-żmien li ġej jibdew jitħaddmu ftehimiet settorali u kollettivi ġodda għall-istess ħaddiema fil-korpi dixxiplinati rispettivi u dan wara li fl-aħħar xhur beda jitħaddem il-ftehim settorali l-ġdid li kompla jtejjeb il-kundizzjonijiet tal-uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN