Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Jidħlu fis-seħħ sensiela ta’ miżuri biex isostnu aħjar persuni b’diżabilità

PR250098
Date Icon 22/01/2025

Il-Gvern qed iwettaq pass importanti ieħor biex isaħħaħ is-sostenn lil persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom, billi jintroduċi għadd ta’ miżuri ġodda li bdew jidħlu fis-seħħ minn Jannar 2025, u li se jkomplu jidħlu fis-seħħ matul is-sena l-ġdida.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia, waqt żjara li għamlet fiċ-ċentru ta’ Aġenzija Sapport fi Fleur De Lys, flimkien mas-Segretarju Permanenti Anthony Gatt u l-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Sapport Oliver Scicluna. 

Waqt iż-żjara ngħataw dettalji dwar skemi u miżuri tal-Budget 2025 li daħlu fis-seħħ minn dan ix-xahar, fejn 10 minn 12-il miżura diġà ġew implimentati. 

Dawn il-miżuri jinkludu rifużjoni tat-taxxa li telgħet minn €500 għal €750 għall-ġenituri ta’ tfal b’diżabilità fuq spejjeż ta’ terapiji speċjalizzati, kif ukoll l-introduzzjoni ta’ skema ġdida għal dawk li ma jħallsux taxxa. Bħala parti minn dan l-impenn, l-allowance li tingħata lill-familji bi tfal li jbatu minn diżabilità fiżika jew mentali se tiżdied b’€5 oħra fil-ġimgħa għal €35 fil-ġimgħa filwaqt li se jkun hemm ukoll żieda fil-Carers Grant li hija ekwivalenti għal nofs il-Paga Minima Nazzjonali netta. Din l-għotja ser togħla b’€193 oħra biex issa ser tilħaq €5,190 fis-sena.

Il-Carers Grant se tibda titħallas ukoll lill-ġenituri li ma jaħdmux, li għandhom tfal b’diżabilità taħt is-16-il sena u li l-kundizzjoni tagħhom tkun meqjusa li hija severa ħafna u li tirrikjedi l-kura kontinwa u kostanti tal-ġenitur. Ġenituri li jibbenefikaw minn din l-għotja se jingħataw ukoll krediti ta’ kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali biex jissalvagwardjaw id-drittijiet tagħhom għall-pensjoni fil-futur.

Fl-istess ħin, hemm żidiet sostanzjali fl-assistenza għal persuni b’diżabilità, b’rati ogħla ta’ għajnuna kemm għal diżabilità severa kif ukoll għal carers li jieħdu ħsieb membri tal-familja. Għal dawk li qed jieħdu ħsieb żewġ membri tal-familja b’livell għoli ta’ dipendenza, il-benefiċċju issa se jiżdied għal darba u nofs ir-rata attwali. Barra minn hekk, il-Gvern qed jibda proġett pilota li jipprovdi servizz ta’ filgħaxija għal persuni b’diżabilità severa, u qed jiftaħ ċentru ġdid matul il-jum biex jindirizza bżonnijiet differenti ta’ anzjani b’diżabilità.

Min-naħa tagħha, il-Ministru Julia Farrugia fissret kif dawn il-miżuri jirriflettu l-impenn tal-Gvern li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ persuni b’diżabilità u tal-familji tagħhom, billi jipprovdi appoġġ aktar sostanzjali u servizzi aktar effettivi li jilqgħu għall-isfidi ta’ kuljum. “Dan il-Gvern huwa impenjat li ma jħalli lil ħadd warajh. Dawn il-miżuri huma xhieda ċara tal-impenn tagħna li nagħtu s-sostenn meħtieġ lil dawk li l-aktar għandhom bżonn, sabiex kull persuna b’diżabilità u l-familji tagħhom igawdu minn kwalità ta’ ħajja dinjituża.”

Din hija tabella simplifikata biż-żidiet li qed jidħlu fis-seħħ tul din is-sena:

MiżuraŻiedaFigura aġġornata minn Jannar 2025
Il-kreditu tat-taxxa jingħata bħala għajnuna għall-ġenituri ta' tfal b'diżabilità fuq spejjeż ta' terapiji speċjalizzati +€250€750
Ġenituri li għandhom tfal b'diżabilità u li ma jħallsux taxxa, se jibbenefikaw minn skema ġdida ta' għajnuna fuq spejjeż ta' terapiji speċjalizzati.Miżura ġdida Miżura ġdida
Servizz ta' filgħaxija lil persuni b'diżabilità severaMiżura ġdida Miżura ġdida
Jinfetaħ ċentru ieħor matul il-jum għall-anzjani b'diżabilitàMiżura ġdida Miżura ġdida
Żieda fl-Assistenza Miżjuda għal Diżabilità Severa+€7.42 fil-ġimgħa€199.61 fil-ġimgħa
Żieda fl-Assistenza għal Diżabilità Severa€3.49 fil-ġimgħa€128.15 fil-ġimgħa
Żieda fl-Assistenza Miżjuda għal Carers€5.24 fil-ġimgħa€179.02 fil-ġimgħa
Żieda fl-Assistenza għal Carers*€5.24 fil-ġimgħa €125.92
Żieda fl-allowance għal tfal b'diżabilità€5 fil-ġimgħa €35 fil-ġimgħa
Titjib fil-Carers Grant lill-familji bi tfal b'diżabilità **€193 fis-sena€5,190 fis-sena
Krediti ta' kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali għall-ġenituri li jibbenefikaw mill-Carers GrantMiżura ġdida Miżura ġdida

* F’każi fejn persuni jkunu qed jieħdu ħsieb waħidhom 2 membri tal-familja b’dipendenza għolja jew medja, sal-lum dawn huma intitolati biss għal ħlas ta’ rata waħda tal-Allowance Miżjuda għal Carer jew tal-Allowance għal Carer. Minn din is-sena, dawn il-persuni se jibdew jieħdu darba u nofs ir-rata tal-benefiċċju li għaliha jkunu intitolati.

** Il-Carers Grant se tibda titħallas ukoll lil ġenituri li ma jaħdmux.

Għal aktar informazzjoni dwar xi skema partikolari, wieħed jista’ jċempel il-freephone 153.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Jidħlu fis-seħħ sensiela ta’ miżuri biex isostnu aħjar persuni b’diżabilità
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Jidħlu fis-seħħ sensiela ta’ miżuri biex isostnu aħjar persuni b’diżabilità
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow