Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U T-TURIŻMU, U MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U X-XOGĦOLIJIET PUBBLIĊI Numru rekord ta’ passiġġieri tal-cruises f’Malta fl-2024

PR250047
Date Icon 15/01/2025

Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg u l-Ministru għat-Trasport Chris Bonett iżuru l-Valletta Cruise Port

Numru rekord ta' passiġġieri tal-cruises żaru Malta fl-2024, li qabeż l-ogħla livelli ta' qabel il-pandemija fl-2019.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Turiżmu Ian Borg, il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett, u l-Kap Eżekuttiv tal-Valletta Cruise Port Stephen Xuereb ħabbru dawn ir-riżultati waqt żjara fil-Valletta Cruise Port.

Aktar minn 940,000 moviment ta' passiġġieri ġew irreġistrati fil-Valletta Cruise Port fl-2024, li jirrappreżentaw żieda ta' 4% meta mqabbla mal-2019, is-sena rekord preċedenti. Matul l-aħħar 12-il xahar, il-Port il-Kbir irċieva 357 sejħa tal-vapuri tal-cruises.

L-industrija tal-cruises hija kontributur ewlieni għal diversi setturi tal-ekonomija Maltija, b'mod partikolari s-servizzi marittimi, kif ukoll għall-ħwienet, stabbilimenti tal-ikel u servizzi turistiċi oħra fil-Belt Valletta u fir-reġjun tal-Port il-Kbir. Huwa stmat li dawn il-vapuri tal-passiġġieri li jankraw fil-Port il-Kbir jikkontribwixxu madwar €88 miljun kull sena lejn l-ekonomija Maltija, bi €38 miljun f'infiq mill-passiġġieri meta jkunu f'Malta u €50 miljun oħra mill-kumpaniji tal-vapuri.

F'kummenti dwar dawn ir-riżultati, id-Deputat Prim Ministru Ian Borg spjega li l-gvern huwa determinat li jkompli jappoġġja lil dan is-settur, filwaqt li jtejjeb l-esperjenza ġenerali tal-passiġġieri tal-cruises waqt iż-żjara qasira tagħhom fil-gżejjer Maltin. “Irridu li dawn il-passiġġieri tant jieħdu gost bl-esperjenza tagħhom f'Malta li jpoġġu lil pajjiżna fil-lista ta' destinazzjonijiet tagħhom, u jerġgħu jiġu għal btala itwal. Biex nilħqu dan il-għan, neħtieġu impenn sħiħ minn dawk kollha konċernati, mhux biss mis-settur privat iżda wkoll minn entitajiet governattivi u awtoritajiet differenti. Huwa għalhekk li qed naħdmu id f'id ma ministeri oħrajn sabiex niżguraw li bħala pajjiż inżidu l-isforzi tagħna għal prodott turistiku ta' kwalità ogħla fis-snin li ġejjin," qal id-Deputat Prim Ministru Ian Borg.

Matul is-sena li għaddiet, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu kompliet tippromwovi lil Malta bħala destinazzjoni importanti għall-cruises fil-Mediterran. B'mod regolari tieħu sehem fl-akbar fieri internazzjonali ta' din l-industrija, filwaqt li tinvesti f'riklamar iffukat biex iħajjar lill-operaturi tal-cruises u lill-vjaġġaturi sabiex jagħżlu lil Malta fl-itinerarji tal-vjaġġi tagħhom.

Il-Ministru Chris Bonett, faħħar l-investiment riċenti li qed iwassal għal operat iktar sostenibbli permezz tas-sistema shore-to-ship.  Is-sistema, li tesa' sa massimu ta ħames cruise liners fl-istess ħin, qed ittejjeb direttament il-kwalità tal-ħajja għal eluf ta familji li jgħixu madwar Il-Port il-Kbir. Dan il-proġett mistenni li jnaqqas l-emissjonijiet b'90% sal-2030.

Huwa enfasizza l-importanza strateġika tal-proġett OPS (Onshore Power Supply), li poġġa lil Malta bħala l-ewwel port fil-Mediterran li joffri din it-teknoloġija, inizjattiva li tirrifletti l-ħidma tal-gvern favur settur marittimu aktar sostenibbli. Huwa semma wkoll li flimkien mal-estensjoni tal-moll Pinto 4-5, inizjattivi bħal dawn juru l-appoġġ tal-gvern lejn l-operaturi marittimi u turistiċi u li  proġetti bħal dawn huma eżempju ċar tal-impenn tal-gvern lejn żvilupp ekonomiku sostenibbli u li jirrispetta l-ambjent li ngħixu fih.

Stephen Xuereb, COO ta' Global Ports Holding u CEO ta' Valletta Cruise Port, stqarr, “Aħna kburin bir-riżultati rekord miksuba fl-2024, li jirriflettu r-reżiljenza u l-irkupru rapidu tal-industrija tal-kruċieri wara l-Covid. Dan is-suċċess huwa dovut grazzi għall-kollaborazzjoni ta' diversi partijiet interessati fosthom il-ministeri tat-turiżmu u t-trasport, awtoritajiet, aġenti tas-servizzi tal-passiġġieri fuq l-art, fornituri tas-servizzi, kerrejja, u speċjalment it-tim dedikat tagħna. Lil hinn min-numri impressjonanti, irridu nkomplu naħdmu biex inwasslu esperjenza Mediterranja awtentika li għaliha l-gżejjer tagħna huma rinomati globalment. Il-gvern qed ikompli bil-ħidma tiegħu fuq Quay Pinto 4-5, parti kruċjali mill-infrastruttura tagħna, li qed nantiċipaw li jitlesta s-sena d-dieħla. B'dan l-iżvilupp u l-fatt li l-ewwel port tal-Mediterran li joffri provvista tal-enerġija fuq l-art, aħna qegħdin f'pożizzjoni tajba biex niżguraw tkabbir sostenibbli f'dan is-settur. Minbarra l-faċilitajiet tal-cruises tagħna, il-Valletta Cruise Port ħareġ talba għal proposti għall-Old Power House f'Diċembru, u sa nofs Frar, se nniedu tender pubbliku għall-iżvilupp tal-parkeġġ tal-Atrium."

Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg u l-Ministru Chris Bonett kienu akkumpanjati mill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Carlo Micallef, il-Kap Eżekuttiv tat-Trasport Malta Kurt Farrugia, u l-Kaptan Fritz Farrugia, Chief Officer u Harbour Master fi Trasport Malta.

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U T-TURIŻMU, U MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U X-XOGĦOLIJIET PUBBLIĊI Numru rekord ta’ passiġġieri tal-cruises f’Malta fl-2024
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U T-TURIŻMU, U MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U X-XOGĦOLIJIET PUBBLIĊI Numru rekord ta’ passiġġieri tal-cruises f’Malta fl-2024
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U T-TURIŻMU, U MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U X-XOGĦOLIJIET PUBBLIĊI Numru rekord ta’ passiġġieri tal-cruises f’Malta fl-2024
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U T-TURIŻMU, U MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U X-XOGĦOLIJIET PUBBLIĊI Numru rekord ta’ passiġġieri tal-cruises f’Malta fl-2024
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow