Left arrow Go Back

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-ANZJANITÀ ATTIVA Żieda ta’ €500 addizzjonali fl-iskema tal-Carer at Home

PR250010
Date Icon 06/01/2025

Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, Malcolm Paul Agius Galea, ħabbar żieda fis-sussidju tal-iskema Carer at Home, miżura mħabbra fil-Budget 2025. Dan is-sussidju se jitla’ minn €8,000 għal €8,500 fis-sena għal dawk li jimpjegaw carer full-time. Din iż-żieda tkompli tibni fuq iż-żieda li daħlet fis-seħħ is-sena li għaddiet, meta s-sussidju kien żdied b’€1,000, minn €7,000 għal €8,000. L-investiment totali għal din l-iskema għas-sena 2025 se jkun ta’ €8 miljun.

L-iskema Carer at Home tagħti sussidju finanzjarju lil dawk l-anzjani li jimpjegaw carers għall-ħtiġijiet tagħhom ta’ kuljum. Din iż-żieda se tkun ta’ għajnuna għal aktar minn 1,100 anzjan li bħalissa qed jibbenefikaw minn din l-iskema. Barra minn hekk, tippermetti aktar flessibilità għal dawk li jimpjegaw carers part-time, peress li s-sussidju jiġi aġġustat prorata, skont in-numru ta’ sigħat ta’ xogħol.

Is-sussidju jingħata b’mod dirett lill-benefiċjarji, li jirċievu din l-għajnuna fil-kontijiet bankarji tagħhom kull xahar, minn meta l-applikazzjoni tagħhom tiġi approvata. Dan il-proċess jgħin biex l-għajnuna tasal b’mod effiċjenti u f’waqtha, filwaqt li jiżgura li kull persuna eliġibbli tingħata l-appoġġ meħtieġ.

Fid-diskors tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Malcolm Paul Agius Galea saħaq li din l-inizjattiva turi l-impenn tal-Gvern li jkompli jsaħħaħ is-servizzi li jgħinu lill-anzjani jgħixu ħajja indipendenti fil-komunità tagħhom. “Din l-iskema tippermetti lill-anzjani jibqgħu fil-kumdità u l-familjarità ta’ djarhom, filwaqt li tagħti serħan il-moħħ lill-familjari li l-għeżież tagħhom jinsabu taħt il-ħarsien ta’ persuni mħarrġa u kwalifikati,” qal is-Segretarju Parlamentari.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għall-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, Dr Renzo De Gabriele, spjega kif matul is-snin l-iskema Carer at Home għenet sabiex numru sostanzjali ta’ anzjani jibqgħu jgħixu ħajja indipendenti fid-djar tagħhom. “L-impenn tagħna huwa li nkomplu nagħtu s-sapport lill-aktar vulnerabbli fil-komunità, u nassiguraw li kull anzjan jingħata l-għajnuna li jixraqlu,” irrimarka Dr De Gabriele.

B’din iż-żieda fis-sussidju u l-allokazzjoni rekord fil-Budget 2025, l-iskema tal-Carer at Home tkompli tkun pilastru ewlieni tal-viżjoni tal-Gvern li jkompli jgħin lill-anzjani jgħixu ħajja indipendenti u attiva fil-komunità tagħhom.

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-ANZJANITÀ ATTIVA Żieda ta’ €500 addizzjonali fl-iskema tal-Carer at Home
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-ANZJANITÀ ATTIVA Żieda ta’ €500 addizzjonali fl-iskema tal-Carer at Home
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow