Left arrow Go Back

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-UGWALJANZA U R-RIFORMI Titnieda kompetizzjoni ta’ kreattività fl-iskejjel għas-16-il Jum ta’ Attiviżmu kontra l-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru

pr232125
Date Icon 27/11/2025

Bħala parti mill-kampanja 'Għandna Ħolma: Futur Mingħajr Vjolenza', il-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika u s-Segretarjat Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi, f'kollaborazzjoni mal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, nedew kompetizzjoni ta' kreattività għall-istudenti fl-iskejjel primarji, medji u sekondarji.

Din il-kompetizzjoni qed issir sabiex l-istudenti jirriflettu iżjed dwar l-importanza ta' relazzjonijiet sikuri msejsa fuq ir-rispett, id-dinjità u l-kunsens filwaqt li jesprimu l-ħsibijiet tagħhom permezz ta' xogħlijiet innovattivi u artistiċi. Il-kompetizzjoni ser tinqasam f'diversi kategoriji fejn l-istudenti jistgħu juru ħiliet differenti fosthom bl-arti, bil-kitba, bid-disinn, bit-teknoloġija jew b'kontenut għall-media.

Fit-tnedija tal-kompetizzjoni li saret fl-Iskola Medja tal-Kulleġġ San Nikola fir-Rabat, is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg saħqet li din l-inizjattiva mhijiex prinċipalment maħsuba biex toħloq kompetizzjoni, iżda biex trawwem kultura ta' tolleranza żero lejn il-vjolenza domestika.

Is-Segretarju Parlamentari ħeġġet lill-istudenti biex juru l-kreattività tagħhom u, b'dan il-mod, ikunu qed jissieħbu f'din il-kampanja u f'kawża ġusta kontra l-vjolenza domestika u dik abbażi tal-ġeneru. Buttigieg qalet li l-istudenti huma l-irġiel u n-nisa ta' għada u li, ċertament, għandhom il-ħolma ta' futur mingħajr vjolenza.

Waqt din it-tnedija, il-Kummissarju dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika Samantha Pace Gasan mexxiet workshop mal-istudenti sabiex tisma' l-ħsibijiet tal-istudenti dwar x'jaħsbu li jsawru relazzjonijiet b'saħħithom filwaqt li jaqsmu l-ideat tagħhom għal din il-kompetizzjoni.

Barra minn hekk, fil-klassijiet tal-PSCD u fil-kmamar li jintużaw għall-counselling fl-iskejjel, ġie mqassam it-teddy bear li huwa s-simbolu ta' din il-kampanja li jissinifika l-importanza ta' sigurtà, wens u għożża fit-tfulija. Dan qed isir b'kollaborazzjoni mal-edukaturi sabiex l-istudenti sa minn età żgħira jħossuhom iżjed komdi jesprimu dak li qed iħossu mal-professjonisti u l-edukaturi, speċjalment jekk qegħdin jesperjenzaw il-vjolenza domestika b'mod dirett jew bejn il-ġenituri. Dawn l-inizjattivi huma kollha azzjonijiet imsemmija fit-Tielet Strateġija Nazzjonali dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika (2023–2028).

L-istudenti huma mitluba jissottomettu x-xogħol tagħhom billi jibagħtu e-mail fuq contactus@stopviolence.gov.mt sa mhux aktar tard mit-18 ta' Jannar 2026. Kwalunkwe mistoqsijiet jistgħu jiġu kkomunikati mal-Kummissjoni bl-istess indirizz elettroniku.

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-UGWALJANZA U R-RIFORMI Titnieda kompetizzjoni ta’ kreattività fl-iskejjel għas-16-il Jum ta’ Attiviżmu kontra l-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow