STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-WIRT NAZZJONALI, L-ARTI U L-GVERN LOKALI Iffirmat ftehim kollettiv ġdid bejn it-Teatru Manoel u l-General Workers’ Union
Fit-teatru nazzjonali ta' Malta, ġie ffirmat ftehim kollettiv ġdid bejn it-Teatru Manoel u l-General Workers' Union. Dan il-ftehim ser ikompli jsaħħaħ il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-impjegati u r-relazzjonijiet industrijali tajba li diġà jeżistu fit-Teatru Manoel.
Dan il-ftehim huwa għall-perjodu ta' ħames snin b'effett mill-1 ta' Jannar tal-2025 sal-31 ta' Diċembru tas-sena 2028.
Il-Ministru Owen Bonnici spjega kif permezz ta' dan il-ftehim se tkun qed tingħata prijorità lis-saħħa fuq il-post tax-xogħol, kif ukoll se jkun hemm żidiet fil-pagi tal-ħaddiema, fejn il-ħaddiema se jiġu rikonoxxuti għall-abbiltajiet, ħiliet u snajja' tagħhom, permezz ta' inċentivi u saħansitra bonuses speċifiċi. Dan filwaqt li se jkomplu jiġu msaħħa l-family friendly measures.
Il-Ministru Bonnici kompla jispjega kif fost oħrajn, permezz ta' dan il-ftehim il-ħaddiema se jkunu intitolati għal għaxart ijiem leave kulturali fis-sena, meta jkunu magħżula sabiex jirrappreżentaw lil Malta f'attivitajiet kulturali kemm f'pajjiżna kif ukoll barra minn Malta. Apparti dan, impjegati li jkunu se jirrappreżentaw lil Malta f'attivitajiet sportivi jingħataw leave speċjali skont l-iskemi maħruġa minn SportMalta.
Spjega wkoll il-prijorità li qed tingħata lis-saħħa mentali. "Konxji dejjem iżjed tal-importanza tas-saħħa mentali, għall-ewwel darba t-Teatru Manoel se jkollu uffiċjal għas-saħħa mentali li jkun imħarreġ biex jagħti l-ewwel għajnuna fis-saħħa mentali lill-impjegati," qal Dr Bonnici.
“Dan il-ftehim se jwassal ukoll sabiex l-impjegati jingħataw leave speċjali biex jakkumpanjaw lil marthom jew żwieġhom jew partner barra minn Malta fuq kors imħallas mill-Gvern jew fuq xogħol tal-Gvern," temm jgħid il-Ministru Bonnici.
Preżenti għal dan il-ftehim kollettiv kien hemm il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u Gvern Lokali Owen Bonnici, is-Segretarju Permanenti tad-Diviżjoni People and Standards fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru Joyce Cassar, id-Direttur Ġenerali fi ħdan il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, is-Sinjura Lorraine Nicole Vella, is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers' Union is-Sur Josef Bugeja, is Segretarju fi ħdan il-General Workers' Union is-Sur Kevin Abela, is-Sur Christopher Darmanin u s-Sur Mario Grixti mill-Industrial Relations Unit tad-Diviżjoni People and Standards fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, il-Kap Eżekuttiv tat-Teatru Manoel Edward Zammit kif ukoll is-Sur Johann Zammit bħala r- rappreżentant tal-ħaddiema tat-Teatru Manoel.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN