STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAD-DJALOGU SOĊJALI Il-Liġi tal-Equal Pay fis-settur privat u tlett ijiem ta’ Carers’ Leave bi ħlas għall-ħaddiema fis-settur pubbliku jidħlu fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2025
Mill-1 ta' Jannar, se jkun qed jidħol fis-seħħ il-kunċett tal-Equal Pay for Work of Equal Value. Dan ifisser li ħaddiem tal-kuntrattur u ħaddiem impjegat direttament mal-privat se jibdew jitħallsu ndaqs għall-istess valur ta' xogħol meta jaħdmu fl-istess post. Dan tħabbar mis-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, Andy Ellul waqt sezzjoni ta' informazzjoni mal-operaturi tal-aġenziji tax-xogħol.
Dan wara Avviż Legali li kien ġie ppubblikat f'Ġunju li għadda.
Bl-introduzzjoni ta' din il-liġi, il-ħaddiema tal-kuntratturi se jibdew jiġu protetti u b'hekk ikollhom l-istess paga u l-istess kundizzjonijiet tax-xogħol bħal dawk li jkunu tal-post fis-settur privat. Drittijiet oħrajn li se jiġu ssalvagwardjati huma l-ħin tax-xogħol u tal-brejk, is-sahra, il-perjodi ta' mistrieħ, ix-xogħol ta' bil-lejl, il-leave ta' matul is-sena, il-ħlas miżjud għall-festi, trattament ugwali u protezzjonijiet oħra. Is-Segretarju Parlamentari Ellul spjega li dan is-settur kien jixraqlu qafas regolatorju professjonali u robust biex iħalli l-operaturi serji jkattru iktar ġid f'pajjiżna filwaqt li jelimina kull forma ta' abbuż u sfruttament ta' ħaddiema. “Permezz ta' dawn ir-regoli l-ġodda se nkunu nistgħu nipproteġu d-drittijiet ta' dawn il-ħaddiema b'mod iktar effettiv filwaqt li nassiguraw ukoll li f'pajjiżna jiġu biss dawk il-ħaddiema b'ħiliet li huma ta' bżonn għall-ekonomija tagħna," saħaq is-Segretarju Parlamentari.
Dwar il-proċess ta' konsultazzjoni biex iddaħħlet din il-liġi, Ellul spjega li din kienet waħda vasta u li inkludiet diskussjoni wiesgħa ma' trade unions, rappreżentanti ta' min iħaddem, aġenziji tax-xogħol, negozji, kumpaniji, lukandi u fabbriki ewlenin f'pajjiżna.
“Konsultazzjoni li turi kemm id-djalogu soċjali f'pajjiżna huwa b'saħħtu," qal is-Segretarju Parlamentari. B'hekk din il-liġi se tkun qed ittejjeb il-kwalità tal-ħajja ta' eluf ta' ħaddiema tat-temping agencies, kemm Maltin kif ukoll barranin. “Nemmnu li kulħadd għandu d-dritt li jgawdi minn paga u kundizzjonijiet tax-xogħol ugwali, daqs ħaddieħor li jagħmel l-istess xogħol," saħaq Dr Ellul. Għalhekk din il-liġi se tkun qed tassigura li ma jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni relatata ma' razza, reliġjon, twemmin, diżabilità, età u orjentazzjoni sesswali.
Is-Segretarju Parlamentari Ellul ħabbar ukoll li dawk il-ħaddiema li jaħdmu fis-settur pubbliku, mill-1 ta' Jannar 2025, ser jibbenefikaw minn tlett ijiem ta' Carers' leave bi ħlas.
“Dan il-leave, jistgħu jgawdu minnu ħaddiema li jinqalgħalhom il-bżonn li jibqgħu d-dar sabiex jieħdu ħsieb xi membru tal-familja jew xi ħadd li jgħix fl-istess dar minħabba raġunijiet ta' saħħa. Minn ħamest ijiem Carers' leave issa ser nagħtu tlett ijiem bi ħlas, u dan bil-għan biex inkomplu noħolqu bilanċ bejn id-dinja tax-xogħol u l-ħajja privata," sostna s-Segretarju Parlamentari.
Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul temm jgħid li din il-liġi storika tal-Equal Pay flimkien maż-żieda fil-Carers' Leave bi ħlas għall-ħaddiema fis-settur pubbliku mhux biss se jkunu qed isaħħu lill-ħaddiem iżda se jkunu qed iwasslu għal kwalità akbar fis-suq tax-xogħol f'pajjiżna.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN