STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U D-DRITTIJIET TAT-TFAL Ħlas ta’ €24 miljun lil 63,142 familja
Fi tmiem din il-ġimgħa ser jitħallsu erba' pagamenti bir-rati l-ġodda, dan bħala parti mill-ħlasijiet tal-benefiċċji għas-sena d-dieħla. B'hekk dawn il-pagamenti qed jitħallsu bil-quddiem, u qed isiru b'investiment ta' aktar minn €24 miljun f'benefiċċji lil 63,142 familja.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, waqt konferenza tal-aħbarijiet nhar l-Erbgħa filgħodu fejn tkellem dwar il-pagamenti li jinkludu dawk taċ-children's allowance, lill-familji bi tfal b'diżabilità, lill-familji li qed jiffosterjaw tfal, kif ukoll il-benefiċċju tas-supplimentari għal koppji u persuni singoli bi dħul baxx.
Il-Ministru Michael Falzon qal li dawn il-pagamenti huma mtejba b'żidiet imwettqa b'riżultat tal-Budget 2025 u jirriflettu l-ewwel kwart tas-sena d-dieħla. Huwa sostna li l-akbar investiment se jkun qed jolqot 41,791 familja b'62,600 tifel u tifla taħt is-sittax-il sena li jirċievu ċ-children's allowance. Għal darb'oħra dan l-allowance ser jiżdied b'€250 fis-sena għal kull wild irrispettivament mid-dħul tal-familja.
Iċ-children's allowance jitħallas lill-ġenituri ta' tfal taħt is-sittax-il sena skont id-dħul annwali disponibbli tal-familja. Jekk id-dħul jkun inqas minn €20,502 il-ħlas tar-rata jvarja skont l-ammont tad-dħul fis-sena rilevanti (2023 fil-każ tal-2025). Jekk jaqbeż dan l-ammont il-ħlas ikun rata fissa ta' €450 għal kull wild.
Fil-komputazzjoni tar-rata taċ-Children's Allowance, sa issa mid-dħul tal-familja kien qed jiġi injorat il-ħlas ta' kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali. Minn din is-sena qed jiġi injorat ukoll l-ammont ta' taxxa fuq id-dħul li tkun tħallset. B'dan it-tnaqqis, fejn u kif japplika, familja, tista' tgawdi minn rata ta' allowance ogħla.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Permanenti Mark Musu qal li ser jiżdied ukoll l-allowance għall-fostering, fejn madwar 180 familja għandhom 243 tifel u tifla fil-kustodja tagħhom. 44 tfal oħra jingħataw kura f'ħamest id-djar tat-tfal li jirċievu din l-allowance ukoll. Numru ta' tfal oħra li jgħixu fi djar tat-tfal huma koperti b'Public Social Partnerships. Biż-żieda ta' €10 fil-ġimgħa fl-allowance l-ammont fis-sena issa tela' għal €6,240 għal kull tifel jew tifla.
Barra ċ-children's allowance, familji bi tfal b'diżabilità fiżika jew mentali jitħallsu allowance addizzjonali fil-ġimgħa. Din qed tiżdied b'€260 fis-sena għal kull wild u tilħaq €1,820 fis-sena. Mark Musu saħaq li din hija r-raba' darba f'10 snin li l-allowance qed tiżdied. Illum tlaħħaq aktar mid-doppju tar-rata li kienet titħallas fl-2014. Fil-fatt, madwar 2,370 familja bi 3,900 wild huma intitolati għal din l-allowance. L-għadd ta' tfal kiber fl-aħħar snin minħabba li twessgħu l-parametri ta' l-eliġibilità biex jinkludu kundizzjonijiet ġodda ta' diżabilità bħall-awtiżmu u l-ADHD.
Fi tmiem il-ġimgħa ser jitħallas ukoll l-allowance supplimentari lill-familji (li m'għandhomx tfal taħt is-16-il sena), koppji u persuni bi dħul baxx biex tgħinhom ilaħħqu aħjar mal-ħajja.
L-għadd ta' benefiċjarji li qed jirċievu l-pagamenti sa issa huwa ta' 18,922. Ftit anqas minn 70% huma persuni singoli, romol u persuni separati jew divorzjati. Ir-rati massimi tal-benefiċċju qed jiżdiedu għaż-żewġ kategoriji.
• Għall-koppji r-rata massima żdiedet b'€190 għal €1,289 fis-sena.
• Għall-persuni singoli żdiedet b' €69 għal €667 fis-sena.
Persuni fl-età ta' 65 sena u aktar jitħallsu suppliment annwali addizzjonali ta' €150.
Din is-sena l-limitu tad-dħul għall-koppji twessa' għal €18,000 – żieda ta' €2,252. B'hekk aktar koppji jkollhom l-opportunità li jibbenefikaw.
Il-limitu għall-persuni singoli qed jiżdied bi €842 għal €12,493.
L-għadd ta' benefiċjarji mill-2013 niżel sew għax naqset id-dipendenza soċjali u anqas familji qed ikollhom bżonn din l-għajnuna. Bosta mill-benefiċjarji tal-allowance huma intitolati għal benefiċċji oħra, inkluż il-Benefiċċju Addizzjonali għall-Għoli tal-Ħajja li ser jitħallas il-ġimgħa d-dieħla u f'nofs is-sena d-dieħla.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN