STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Pajjiż ta’ Kwalità: Approvati 71 proġett fl-inizjattiva ‘Open Horizons: Education through Indoor and Outdoor Learning Scheme’
Permezz tal-inizjattiva ġdida għal tagħlim innovattiv b'rabta mal-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni 2024–2030, u li tħabbret aktar kmieni dan ix-xahar, il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, illum qassam kważi nofs miljun ewro għal 71 proġett li se jsiru fl-iskejjel madwar il-pajjiż.
Permezz tal-inizjattiva 'Open Horizons: Education through Indoor and Outdoor Learning Scheme' l-iskejjel kienu mħeġġa joħolqu proġetti innovattivi ta' tagħlim ġewwa jew barra l-klassi, li jsaħħu l-involviment tal-istudenti fis-suġġetti STEM, il-litteriżmu, u n-numeriżmu, kif kienu fasslu l-edukaturi nfushom u bħala parti mill-implimentazzjoni kontinwa fl-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni.
“Permezz ta' din l-iskema, il-Ministeru qed jinvesti f'proġetti li jagħtu ħajja lill-prinċipji ewlenin tal-Istrateġija Nazzjonali tal-Edukazzjoni, u b'hekk jiżgura li l-istudenti jkunu mħejjija bil-ħiliet importanti ta' ħsieb kritiku, kapaċitajiet li jsolvu problemi, u l-kreattività meħtieġa għas-suċċess tagħhom fil-futur u biex jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom," qal il-Ministru Clifton Grima.
Din l-inizjattiva tirrappreżenta bidla tanġibbli fl-approċċ edukattiv f'Malta, u tirrifletti l-impenn tal-Ministeru biex tkun modernizzata u msaħħa l-esperjenza ta' tagħlim għall-istudenti madwar il-pajjiż. Permezz ta' din l-inizjattiva l-edukaturi kienu mħeġġa joħolqu proġetti biex jestendu t-tagħlim lil hinn mill-ambjent tradizzjonali tal-klassi, inizjattiva li għandha l-għan li ttejjeb l-iżvilupp akkademiku u personali tal-istudenti waqt li tippromwovi esperjenzi kreattivi u prattiċi.
Din it-trasformazzjoni hija ċentrali għall-futur tal-edukazzjoni f'Malta, u hija parti mill-ħidma tagħna biex nibnu sistema li mhux biss hija akkademikament soda, imma wkoll li tirrispondi għall-ħtiġijiet tal-istudent għal issa u anki għall-futur.
Is-Segretarju Permanenti Matthew Vella qal, “Il-livell sinifikanti ta' interess jirrifletti l-impenn tat-tmexxija tal-iskejjel li jsaħħu l-miri tat-tagħlim permezz ta' pedagoġiji innovattivi. L-għoti tal-fondi tal-iskema hija parti mit-trasformazzjoni tanġibbli li qed isseħħ permezz tal-Istrateġija Nazzjonali tal-Edukazzjoni 2024–2030, li tirrifletti l-impenn tal-Ministeru li jsaħħaħ it-tagħlim permezz ta' esperjenzi innovattivi għall-istudenti kollha. Inizjattivi bħal din tal-lum u t-trasformazzjoni tal-edukazzjoni li qed isseħħ jassiguraw qabża fil-kwalità għall-edukaturi u l-istudenti."
Waqt il-preżentazzjoni li saret illum fil-Kulleġġ San Injazju Prof. Edward de Bono Skola Medja, il-Ħandaq, f'Ħal Qormi, il-Ministru Clifton Grima flimkien mas-Segretarju Permanenti Matthew Vella, ta ċ-ċertifikati marbutin mal-proġetti lill-kapijiet tal-iskejjel, filwaqt li l-finanzjament għal dawn il-proġetti diġà għadda għand l-iskejjel.
Il-proġetti sottomessi huma kollha ta' natura kreattiva u jipproponu modi innovattivi biex jintegraw it-tagħlim tal-kurrikulu ġewwa jew barra l-klassi. Kienu mħeġġa proġetti li jinvolvu kollaborazzjoni bejn l-istudenti, l-edukaturi, il-ġenituri, jew il-komunitajiet lokali, biex b'hekk ikomplu jitqarrbu l-edukazzjoni u l-komunità ta' kull belt jew raħal f'pajjiżna.
Mill-71 proġett, 41 huma għall-proġetti barra u 30 għall-proġetti fuq ġewwa tal-iskejjel. L-erba' Ċentri ta' Riżorsa f'Malta (Guardian Angel, Hellen Keller, San Miguel u Dun Manwel Attard) qed jibbenefikaw ukoll minn din l-iskema.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN