STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Imħabbra d-dettalji tat-tieni edizzjoni tar-Robot Championship Region 8 tal-IEEE f’Malta – Inizjattiva li tkompli tmexxi ‘l quddiem is-suġġetti tar-Robotika u STEM
Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti, flimkien mal-Istitut tal-Inġiniera tal-Elettriku u l-Elettronika (IEEE Malta), ħabbru d-dettalji dwar it-tieni edizzjoni tal-IEEE R8 Robot Championship li se jittella' f'Malta bejn it-23 u l-24 ta' Novembru 2024.
Dan l-avveniment jkompli jqajjem aktar għarfien dwar il-qasam tar-robotika, l-edukazzjoni STEM, u għandha l-għan li twassal għall-kollaborazzjoni internazzjonali fit-teknoloġija u l-innovazzjoni.
Din it-tieni edizzjoni tibni fuq is-suċċess tal-kampjonat tal-2022, li mhux biss laħaq udjenza ta' aktar minn 1,500 ruħ iżda wkoll ġie rikonoxxut internazzjonalment, fejn Malta kisbet l-unur tal-Premju għall-aħjar Inizjattiva STEAM. Dan ir-rikonoxximent juri l-impatt pożittiv ta' dan l-avveniment fuq il-ġenerazzjonijiet futuri u jqiegħed lil Malta bħala ċentru għall-eċċellenza fil-qasam STEM.
Il-Kampjonat ta' din is-sena jinkludu 18-il tim minn 38 applikazzjoni internazzjonali, magħżula minn ġurija biex jikkompetu f'dan l-avveniment. L-għan hu li tinħoloq pjattaforma ta' skambju ta' ideat ġodda bejn esperti, studenti u edukaturi, li tagħti kontribut konkret għall-futur tar-robotika.
Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti tenna l-impenn tal-gvern għall-edukazzjoni STEM u r-robotika, u qal: “Il-Kampjonat tal-IEEE hawn Malta huwa xhieda ta' kemm pajjiżna qed jinvesti fit-talenti żgħażagħ tagħna f'oqsma kritiċi għall-ekonomija futura. Avvenimenti bħal dawn iwasslu għal ħiliet ta' problem-solving, innovazzjoni u ħidma f'tim għall-istudenti, u jsaħħu l-vokazzjoni ta' Malta bħala ċentru għall-kompetenza teknoloġika."
Dr Conrad Attard, Chair tal-IEEE Region 8, irringrazzja lil kull min ħa sehem fl-organizzazzjoni ta' dan il-kampjonat, u stqarr: “IEEE Malta qed twettaq missjoni ta' eċċellenza teknoloġika għall-ġid tas-soċjetà. Permezz tal-IEEE R8 Robot Championship, qed noħolqu esperjenza li tispira u tmexxi 'l quddiem lill-komunità internazzjonali tal-robotika. Huwa ta' unur kbir għalina li dan l-avveniment jerġa' jsir f'Malta, fejn qed naraw il-livell ta' innovazzjoni u ħila jogħla b'mod konsiderevoli."
L-avveniment tal-IEEE huwa wkoll maħsub biex iwessa' l-opportunitajiet ta' edukazzjoni STEM billi jħeġġeġ lill-istudenti biex jibnu r-robots tagħhom stess, jitgħallmu ħiliet prattiċi, u jiksbu kompetenzi fil-ħsieb kritiku, ix-xogħol f'tim, u l-innovazzjoni. Bħala parti minn dan l-impenn, Malta qed tkompli tespandi l-inizjattivi f'dawn l-oqsma, bħal ma juri l-ftehim reċenti mal-Aġenzija Spazjali Ewropea, li jagħti importanza lil dawn l-industriji ta' valur għoli.
IEEE R8 Robot Championship qed jittella' b'kollaborazzjoni wkoll ma' Tech.mt, MDIA, MCAST, u l-Università ta' Malta, fost imsieħba oħra.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN