Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Pajjiż ta’ Kwalità: L-istudenti huma l-qofol biex is-settur edukattiv jimxi ’l quddiem

pr241839
Date Icon 12/11/2024

Illum fil-Kulleġġ San Benedittu ġiet organizzata konferenza dwar l-Edukazzjoni Fiżika, li matulha tħabbar li l-proġett pilota biex jiżdied il-ħin li l-istudenti jagħmlu f'attivitajiet fiżiċi, kien suċċess. Bħalissa qed jipparteċipaw fih ħames kulleġġi differenti, b'aktar minn ħames mitt klassi, filwaqt li sa sentejn oħra jkun f'kull kulleġġ. Il-konferenza saret fl-Iskola Primarja ta' Ħal Kirkop fejn kien tnieda dan il-proġett sentejn ilu.

Waqt il-Konferenza, ġie spjegat li dan il-proġett biex issir sessjoni ta' attività fiżika kuljum kien beda fis-sena skolastika 2022–2023, bil-għan li pajjiżna jimxi lejn mudell li permezz tiegħu t-tfal jitrawmu minn età bikrija biex ikunu attivi f'ħajjithom. Il-proġett wassal biex isiru erba' lezzjonijiet fil-ġimgħa u mitt lezzjoni fis-sena skolastika, li hija żieda ta' siegħa u erbgħin minuta fuq dak li kien isir qabel ma beda dan il-proġett.

Matul il-jum saru diversi preżentazzjonijiet, fosthom riżultat ta' kwestjonarju li tqassam mal-istudenti biex huma wkoll ikunu involuti b'mod dirett u jagħtu l-opinjoni tagħhom u kif jaħsbuha dwar l-attività fiżika. Mill-kwestjonarju ħarġet statistika interessanti, fosthom li l-isport tal-football jibqa' l-iktar attività fiżika favorita, segwit mill-basketball u l-volleyball.

Minn dawk li rrispondew ħareġ ukoll li l-attività fiżika hija popolari l-iktar mal-istudenti tal-primarja, wara mal-istudenti tal-iskejjel medji, imbagħad mal-istudenti tas-sekondarja. Fit-tliet livelli tal-iskejjel huma l-istudenti maskili l-aktar li qalu li jħobbu l-attività fiżika.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, qal, “Dan il-proġett pilota huwa suċċess u qed naraw il-frott tiegħu għaliex skont il-monitoraġġ li sar minn diversi persuni, instab li biż-żieda fil-ħin tal-attività fiżika, il-maġġoranza tal-istudenti qed juru aktar ħerqa biex jattendu l-iskola. Instab ukoll li dawn l-istudenti qed itejbu l-ħiliet tagħhom, mhux biss fl-isports, imma wrew titjib personali, u kien reġistrat titjib fil-lezzjonijiet l-oħrajn tal-kurrikulu." Huwa rrimarka wkoll li l-istudenti, bħall-edukaturi, qed ikunu involuti fis-settur edukattiv għaliex din hija l-aqwa għodda biex dan is-settur jibqa' miexi 'l quddiem.

Mill-preżentazzjoni sar magħruf li l-għalliema qalu li b'aktar attività fiżika l-imġiba tal-istudenti tjiebet u dawn ukoll irreġistraw ħin imtejjeb biex jagħmlu xogħol fil-klassi. Il-ġenituri tal-istudenti qalu li raw titjib sinifikanti fl-imġiba tal-istudenti u esprimew l-opinjoni li l-proġett għandu jibqa' għaddej.

Il-Ministru Grima tkellem dwar id-diversi miżuri kif ukoll proġetti li għaddejjin li fiċ-ċentru tagħhom hemm l-attività fiżika, fosthom programmi ma' msieħba fis-settur, miżuri li tħabbru fil-budgets ta' dawn is-snin u wkoll it-twettiq ta' miżuri oħrajn tal-Manifest Elettorali.

Matul it-tliet snin li għaddew kien hemm sforzi kollaborattivi ta' diversi partijiet interessati, partikolarment dwar l-implimentazzjoni tal-Proġett tal-Edukazzjoni Fiżika, filwaqt li kien ukoll provdut taħriġ lill-għalliema tal-Edukazzjoni Fiżika li qed imexxu l-proġett.

Hemm ukoll l-Isport Career Development Programme, li issa qiegħed fit-tmien sena tiegħu u matul dawn is-snin intgħażel aktar minn 1,500 student. Il-programm, li jkopri 10 dixxiplini sportivi differenti, huwa mifrux f'20 skola tal-Istat, u mis-sena li għaddiet fi tliet skejjel Indipendenti. Wara li jlestu l-istudji fil-ħdax-il sena, dawn l-istudenti jistgħu jiksbu Ċertifikat f'Livell MQF 2 jew 3.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Pajjiż ta’ Kwalità: L-istudenti huma l-qofol biex is-settur edukattiv jimxi ’l quddiem
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow