STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-WIRT NAZZJONALI, L-ARTI U L-GVERN LOKALI Jitħabbar il-programm ‘Christmas in the Capital’ għal din is-sena
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u ċ-Chairperson tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef ħabbru d-dettalji ta' 'Christmas in the Capital', il-programm varjat annwali ta' attivitajiet tal-Milied li se jittella' fil-Belt Valletta mill-24 ta' Novembru sal-31 ta' Diċembru 2024. Dan il-programm, li jinkludi l-avvenimenti kollha inklużi d-dwal tal-Milied u anke l-kunċert tal-aħħar tas-sena, se jkun qed isir mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta.
Il-Ministru Owen Bonnici qal, “Christmas in the Capital mhux biss huwa ċelebrazzjoni tas-sbuħija tal-Milied fil-qalba tal-Belt Valletta, imma jservi wkoll bħala mezz biex ngħaqqdu lin-nies flimkien. Kull min iżur il-Belt Valletta se jkun jista' jgawdi minn attivitajiet kulturali, mużikali u artistiċi li jispikkaw waqt dan il-perjodu ta' festi. Inħarsu 'l quddiem għal Milied li jirrifletti l-ispirtu vera ta' dawn iż-żminijiet."
Min-naħa tiegħu, ċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, Jason Micallef qal li din is-sena l-programm tal-Milied se jkun iffokat fuq attivitajiet ta' briju u oħrajn li jevokaw sens ta' paċi u li jfakkru l-qofol ta' dawn iż-żminijiet, b'mod speċjali l-purċissjoni tradizzjonali ta' Ġesù Bambin. Kompla jispjega li se jittellgħu madwar 25 attività u attrazzjoni fuq medda ta' xahar. Is-Sur Micallef ħabbar ukoll li l-avveniment tal-aħħar tas-sena se jkun qed jerġa' jsir fi Pjazza San Ġorġ u d-dħul għalih se jerġa' jkun bla ħlas.
Il-programm jinkludi, fost oħrajn, buskers, street entertainers, korijiet u kunċerti mużikali minn gruppi u kantanti, żfin, workshop għat-tfal, fost oħrajn. Ser jinxtegħlu d-dwal fit-toroq ewlenin fil-Belt Valletta, se tiġi installata siġra tal-Milied fi Pjazza Ħelsien, kif ukoll se jkun hemm presepju artistiku tal-Milied biswit id-daħla tal-Konkatidral ta' San Ġwann. Matul il-perjodu kollu, ser tindaqq mużika tal-Milied fi Triq ir-Repubblika.
Żur is-sit vca.gov.mt u l-paġna ta' Facebook tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta għal aktar informazzjoni.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN