STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U L-ANZJANITÀ ATTIVA In-nefqa vvutata għall-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex żdiedet
Kontra dak li deher f'sezzjoni tal-midja, il-budget tas-saħħa mhux talli ma naqasx, imma żdied, u n-nefqa rikorrenti għall-Isptar Ġenerali ta' Għawdex mhux talli ma naqsitx, imma żdiedet mill-anqas b'€7 miljun. Il-budget tas-saħħa żdied b'11% għal €1,219,147,000.
Anke l-budget tal-anzjanità attiva żdied bi 11% għal €309,840. Il-budget totali tal-ministeru tela' għal €1.53 biljun. Ta' min wieħed jinnota illi fir-rigward tal-Isptar Ġenerali ta' Għawdex, fil-budget tas-saħħa, iddaħħlu żewġ voti ġodda:
€14,883,000 għall-Malta Health Ltd, li hija kumpanija li assorbiet l-impjegati kollha li kellhom Steward, inkluż dawk li kienu jaħdmu fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex u l-obbligi kuntrattwali għal servizzi mogħtija. 45% ta' dan il-vot ser jassorbih l-Isptar Ġenerali ta' Għawdex, bil-kumplament jassorbih l-Isptar Karen Grech. Dan il-line item iddaħħal ġdid għal raġunijiet ta' accounts.
€14-il miljun oħra ġew ivvutati f'vot ġdid għal inizjattivi ma' sptarijiet privati biex jitnaqqsu l-listi ta' stennija, li jfisser li spejjeż li kienu ser isiru fi sptarijiet pubbliċi ġew allokati f'dan il-vot.
L-ispiża rikorrenti fuq l-Isptar Ġenerali ta' Għawdex:
| 2024 | 2025 | ||
| Personal Emoluments | €36,178,600 | Personal Emoluments | €45,792,000 |
| Programmes & Initiatives | €42,994,000 | Programmes & Initiatives | €34,084,000 |
| Malta Health Ltd | Xejn | Malta Health Ltd | €6,697,350 (45% ta' €14, 883,000) |
| Total | €79,172,600 | Total | €86,573,350 |
Fir-rigward tal-ispiża kapitali fuq l-isptar ġdid ta' Għawdex, ta' min jinnota li l-proġett jieħu numru ta' snin u dak li jidher fil-budget hu dak allokat għall-ewwel sena li mbagħad jiġi kkomplementat kull sena wara, fil-vot rispettiv.
Hemm allokati ukoll għas-saħħa €59 miljun fondi Ewropej għax-xiri ta' apparat u €25 miljun oħra fondi Ewropej għal sistemi ta' IT, li minnhom naturalment ser jibbenefika wkoll l-Isptar Ġenerali ta' Għawdex. Dawn ma jidhrux fil-vot tas-saħħa.
Għall-gvern, Għawdex hu prijorità u l-investiment fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex ser ikompli miexi kif diġà mħabbar.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN