STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR Il-ministri Ewropej responsabbli mill-klima jaqblu fuq pożizzjoni komuni għal COP29
Il-Ministru Miriam Dalli tappella għal miżuri li permezz tagħhom il-pajjiżi jkunu jistgħu jadattaw aħjar għall-impatt tat-tibdil fil-klima
Waqt il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-Ambjent li sar fil-Lussemburgu, il-Ministru Miriam Dalli enfasizzat il-ħtieġa ta' finanzjament neċessarju li għandu jgħin lill-pajjiżi ż-żgħar u lil dawk l-aktar vulnerabbli.
Hija spjegat li din l-għajnuna tista' tkun fil-forma ta' Green Bonds li permezz tagħhom ikun jista' jiġi mobilizzat il-kapital meħtieġ għall-proġetti ambjentali.
Matul il-laqgħa tal-Kunsill, il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea qablu dwar pożizzjoni komuni li permezz tagħha jistgħu jinnegozjaw flimkien mal-kumplament tal-komunità internazzjonali waqt il-konferenza għat-tibdil fil-klima, il-COP 29, li se ssir f'Baku, l-Ażerbajġan.
“Irridu nżommu f'moħħna l-iskala ta' ambizzjoni li hi meħtieġa b'mod globali biex it-temperaturi ma jogħlewx aktar minn 1.5°C, fl-istess ħin Malta trid tara tranżizzjoni li tkun ġusta u inklussiva. Din it-tranżizzjoni m'għandha tħalli lill-ebda pajjiż jaqa' lura, żgħir kemm hu żgħir dak il-pajjiż. Għalhekk jeħtieġ li l-aspetti soċjali u ekonomiku jinżammu bħala prijorità," saħqet il-Ministru Miriam Dalli.
Il-Ministru Dalli insistiet li l-prezzijiet tal-enerġija għandhom ikunu indirizzati biex ma jintefax piż żejjed fuq il-konsumaturi.
Il-Ministru Miriam Dalli enfasizzat il-ħtieġa ta' miżuri ta' mitigazzjoni li ħafna minnhom huma relatati direttament ma' direttivi u leġiżlazzjonijiet Ewropej. “Bl-istess mod irridu naċċertaw li jkollna miżuri effettivi ta' adattament," żiedet tgħid il-Ministru Miriam Dalli filwaqt li spjegat li t-tibdil fil-klima hija sfida globali li taffettwa l-ekonomiji, l-ambjent u l-komunitajiet, għalhekk l-adattament u l-mitigazzjoni huma essenzjali. “Dawk il-pajjiżi l-aktar milquta, b'mod partikolari gżejjer żgħar qed idaħħlu miżuri ta' adattament imma hemm bżonn li jkun hemm ħidma kollettiva f'dan ir-rigward bl-għajnuna wkoll ta' finanzjament dirett, biex intaffu kemm jista' jkun l-impatt tat-tibdil fil-klima."
Dawn ir-riflessjonijiet ta' Malta ġew inklużi fil-konklużjonijiet li se tippreżenta l-Unjoni Ewropea bħala pożizzjoni komuni matul id-diskussjonijiet tal-COP29.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN