STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-GVERN LOKALI Installata l-ewwel kamera li taħdem bl-Intelliġenza Artifiċjali fil-Belt Valletta
Il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta installa l-ewwel kamera tas-sigurtà tal-aħħar teknoloġija li taħdem bl-Intelliġenza Artifiċjali (AI). Din il-kamera, installata fi Triq il-Merkanti, se twassal sabiex ikompli jonqos l-abbuż bħal rimi ta' skart illegali u pparkjar irregolari.
Waqt żjara fuq il-post mis-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli flimkien mas-Sindku tal-Belt Valletta Olaf Mc Kay, intqal li din il-kamera hija mgħammra b'sistemi avvanzati ta' intelliġenza artifiċjali u li ser tagħmel l-infurzar aktar veloċi u effettiv. Fil-fatt, dan l-investiment teknoloġiku mhux biss se jgħin biex jikkontrolla u jitnaqqas l-abbuż, iżda wkoll sabiex tingħata protezzjoni aħjar lill-komunità Beltija li twassal għal belt kapitali aktar sigura u nadifa.
Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli faħħret lill-Kunsill Lokali tal-Belt għal din l-inizjattiva fejn qed ikun proattiv u bil-fatti qed jieħu l-miżuri sabiex jitnaqqas l-abbuż u l-irregolaritajiet fil-Belt Valletta.
“Huwa ta' sodisfazzjon li nara kif kunsill lokali qed jisfrutta l-benefiċċji tal-Intelliġenza Artifiċjali għal dak li għandu x'jaqsam maż-żamma tal-bon ordni tal-lokalità. Illum il-Belt Valletta saret destinazzjoni ta' eċċellenza kemm għat-turisti kif ukoll għall-poplu Malti u Għawdxi u għalhekk dan ser ikun qed itejjeb l-esperjenza ta' min iżur il-belt kapitali tagħna," temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli.
Is-Sindku tal-Belt Valletta, Olaf Mc Kay, qal li dan huwa pass ieħor li qed jieħu l-kunsill lokali fil-ġlieda kontra l-abbuż ta' rimi u ħmieġ fit-toroq tal-belt kapitali. Huwa semma wkoll li din l-inizjattiva kienet wegħda tal-manifest elettorali tal-Kunsill Lokali tal-Belt li bdiet tiġi mwettqa, filwaqt li mistennija jiġu installati aktar kameras ta' dan it-tip f'inħawi oħra fil-Belt Valletta. Intant, is-Sindku Olaf Mc Kay, irringrazzja wkoll lill-Aġenzija LESA u anke l-Korp tal-Pulizija li dejjem ikunu ta' spalla għall-kunsill lokali fejn jidħol infurzar tal-liġi.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN